Robert Abela jkompli jwerwer bl-establishment u jdawwar l-elezzjonijiet f’mandat għalih
“Għinuni! Kunu miegħi!”
Din kienet l-għajta isterika tal-Mexxej tal-Labour Robert Abela f’Ta’ Farsina f’Ħal Qormi ftit tas-sigħat biss wara li l-gazzetta MaltaToday ippubblikat l-inkjesta tal-Vitals fl-intier tagħha.
F’diskors qasir ta’ ftit inqas minn 20 minuta, Abela naqas għalkollox milli jindirizza fatt bħal dan li tista’ tgħid ħasad pajjiż u minflok dawwar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew f’vot ta’ fiduċja għalih innifsu.
Surrealment minkejja dan kollu li ħiereġ fil-beraħ b’rabta sewwa mat-tmexxija tal-pajjiż taħt Joseph Muscat – Abela ħass il-ħtieġa li jiddefendi lill-predeċessur tiegħu billi insista li, “taħt it-tmexxija ta’ Joseph” bdew ibiddlu pajjiż.
Abela attakka bil-kbir lill-famuż establishment li ħoloq hu biex iwerwer lill-partitarji tiegħu hekk kif sostna li għal dan il-babaw, it-8 ta’ Ġunju jrid li jkun il-bidu tat-tmiem.
Finalment Abela qalb l-għajjat u l-paniku biex in-nies jersqu qrib tiegħu u jkunu miegħu – qalilhom li biex jieħdu ħsieb lil familthom iridu jisilfuh mandat ġdid.
Kummenti li ċertament juri l-livell ta’ paniku li Robert Abela jinsab maħkum minnu hekk kif fil-jiem li għaddew ħareġ ċar il-qasma li għandu fil-partit tiegħu, bil-faxxa ta’ Muscat tgħajjat u tħeġġeġ lin-nies biex jinżlu fit-toroq quddiem il-Qorti.