Il-Ħadd filgħodu waqt id-diskors tagħha fil-Mellieħa, il-President tal-Parlament Ewropew u l-kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola bdiet billi ssostniet l-għaqda ġenwina li hemm bejn il-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew – għaqda li turi verament kemm huma jridu l-aqwa ġid għal Malta.
Semmiet kif il-kandidati tal-Partit Laburista qed jagħmlu kampanja ta’ negattività kontra l-kandidati tal-Partit Nazzjonalista, iżda kif minkejja dan, huma mhumiex ser jaqtgħu qalbhom qatt. Metsola semmiet kif it-tifel tagħha, li hu first-time voter, sostna magħha li dawn il-kampanji negattivi ma jagħmlux effett fuq min se jivvota għall-ewwel darba.
Metsola kompliet tgħid kif l-iskop ewlieni tal-politiċi tal-Partit Laburista li jagħmlu kampanja kontriha hu għaliex qed jibżgħu li l-Partit Nazzjonalista jirbaħ it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew – dan għaliex il-Gvern Laburista ma jridx li l-poplu jkollu vuċi b’saħħitha fl-Unjoni Ewropea.
Hi sostniet li attakk fuq il-kandidati hu attakk fuq il-poplu, u b’hekk se jkomplu jaħdmu għall-Maltin u l-Għawdxin kollha. Huma mhux se jaqtgħu qalbhom għax jafu li qed jaħdmu għas-sewwa. Bħala l-President tal-Parlament Ewropew, hi se tkompli xxejjer il-bandiera Maltija b’qalbha kollha.
Roberta Metsola kompliet tgħid li r-roadmap tal-Gvern Laburista kien biex jisraq il-flus mill-but tal-poplu, u b’dak li ħareġ mill-Inkjesta tal-Vitals uriet dan biċ-ċar – hekk kif dan l-istess Gvern seraq il-miljuni dritt mill-but tal-poplu għal deal skandluż.
Hi sostniet li l-integrità u l-onestà huma l-qalba tal-politika, b’hekk il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista qegħdin fil-politika sabiex jagħmlu differenza fil-ħajja tal-poplu. Iżda sostniet li l-poplu biss jista’ jagħmel din id-differenza billi fit-8 ta’ Ġunju joħorġu jivvotaw għall-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista sabiex ikollna tliet rappreżentanti Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew li verament jaħdmi għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
//= $special ?>