Lokali

Il-mobiles ta’ Muscat u martu ngħataw lill-Amerikani wara li l-koppja rrifjutat li tiżvela l-‘passwords’

Biex il-mobiles tal-familja Muscat ġew investigati kellha saħansitra jidħlu fix-xena Aġenti Speċjali mid-Dipartiment Amerikan tal-Homeland Security.

Dan biex jaċċessaw il-mobiles tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll tal-mara tiegħu Michelle Muscat hekk kif il-familja rrifjutaw li joffru l-passwords lill-investigaturi lokali meta kienet saret ir-raid fir-residenza tal-Eks Mexxej tal-Labour.

Fl-inkjesta tal-Vitals, intqal li Joseph Muscat, Michelle Muscat kif ukoll uliedhom irrifjutaw għalkollox milli jipprovdu aċċess lill-investigaturi lokali.

Għaldaqstant, quddiem dan in-nuqqas ta’ koperazzjoni, l-inkjesta maġisterjali daret fuq l-għajnuna tad-Dipartiment tal-Homeland Security Amerikan fejn intqal li wara li l-espert tal-Qorti informa lill-Maġistrat Vella li Muscat naqas milli jikkopera biex jagħti aċċess għall-mobiles u tablets – l-espert ta suġġeriment li dawn jintbagħtu fl-Istati Uniti – f’Washington DC.

Fil-Proċess Verbal intqal li l-Maġistrat aċċettat tali suġġeriment – bil-mobiles jingħataw lil Special Agent Gary Tirabassi.