Basketball Sport

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa: Caffè Moak Luxol Champions ġodda tal-basketball femminili

Colin Schembri

Depiro…………………………………51

Caffè Moak Luxol……………….65

(14-12)(18-18)(8-14)(11-21)

Caffè Moak Luxol huma c-Champions il-ġodda tal-basketball femminili meta fil-ħames u l-aħħar finali għelbu lil Depiro 65-51. Depiro rebħu l-ewwel żewġ finali 53-38 u 63-57 però ma rnexxielhomx jieħdu rebħa oħra fit-tlett partiti li kien għad fadal hekk kif Luxol rebħu t-tielet partia 60-45 u r-raba’ waħda 57-46 u rebħu wkoll il-ħames waħda. Santino Coppa wassal mill-ġdid il-kampjonat għand it-team ta’ Luxol wara s-suċċess tal-istaġun 2021-2022. Dan kien il-ħmistax -il kampjonat mirbuħ minn Luxol u t-tieni unur tagħhom dan l-istaġun wara r-rebħ tal-John Tabone Shield aktar kmieni dan l-istaġun. Depiro, rebħu l-unur tan-Knock-out biex irritornaw għar-rebħ tal-unuri wara diversi snin. Iż-żewġ timijiet għandhom bażi tajba għall-futur fejn propju fl-istess ġurnata ta’ din il-finali Depiro rebħu il-kampjonat ta’ taħt l-14 -il sena wara li aktar kmieni rebħu dak ta’ taħt is-sittax -il sena. Luxol rebħu wkoll il-kampjonat ta’ taħt id-19 -il sena.

Depiro fetħu tajjeb f’din il-finali meta għamlu l-ewwel disa’ punti tal-partita fosthom trippli minn Kristy Galea u Nicole Agius. Mal-ħin Luxol bdew jirrispondu bil-punti ta’ Tayler Bennett u Anna Fenech Pace u għamlu run ta’ 12-2 biex marru punt minn fuq. Qabel intemmet it-taqsima, Depiro kellom il-punti minn Jose Ann Johnson għal skor ta’ 14-12. Fit-tieni sessjoni Luxol bdew b’sitt punti mingħajr risposta. Julia Borg irrispondiet għal Depiro però Luxol komplew bil-punti ta’ Bennett u Fenech Pace bid-Depiro jwieġbu bi trippla ta’ Galea. Wara li Luxol reġgħu ħadu l-vantaġġ, Depiro għalqu l-perjodu b’żewġ trippli minn Borg u Agius biex daħlu jistrieħu 32-30 minn fuq.

It-tielet taqsima fetħet b’basket minn Borg għal Depiro però Luxol kellom risposta mmedjata permezz ta’ Fenech Pace. Depiro wieġbu b’basket ta’ Agius u trippla minn Galea però Luxol għalqu b’baskets ta’ Fenech Pace, Josephine Diaby u trippla ta’ Bennett għal skor ta’ 44-40. Il-bidu tal-aħħar perjodu kien kollu f’idejn Luxol li ħarġu bi break ta’ 11-4 biex fetħu vantaġġ b’figuri doppji 55-44. Depiro ppruvaw jirkupraw b’punti minn Johnson iżda Luxol għamlu run oħra ta’ 6-0. Depiro bdew jitilfu l-players bil-fouls u Luxol setgħu jikkontrollaw u jkabbru l-vantaġġ bil-free-throws hekk kif bdew jiċċellebraw ir-rebħ tal-partita u tal-kampjonat. Fi tmiem il-partita, is-Sur Sam Grech f’isem il-Mapfre MSV Life flimnkien mal-president tal-MBA Paul Sultana ppreżentaw il-medalji lir-rebbieħa u l-unur tal-MVP lil player ta’ Luxol Anna Fenech Pace. Josephine Diaby, captain ta’ Luxol tit tal-ħin wara għolliet it-trofew ta’ Champions fost il-ferħ tal-players, partitarji u diriġenti tal-club ta’ Luxol li b’hekk iċċelebraw ir-rebħ tal-kampjonat għal 15 -il darba fl-istorja tagħhom.

Depiro: S. Abela 3, N. Agius 12, J. Mallia, L. Sciberras, N. Agius, C. Ciantar 4, J. Borg 10, J. A. Johnson 10, M. Micallef, N. Borg, K. Galea 12, L. Camilleri.

Caffè Moak Luxol: T. Bennett 24, M. Mercieca 3, L. Fenech Pace 2, N. Vella, E. Abela, M. Camilleri, S. Fenech Pace 5, J. Diaby 8, V. Baldacchino, S. Sciberras, S. Farrugia, A. Fenech Pace 23.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Nicky Azzopardi.