Lokali Saħħa

L-INKJESTA TIKKONFERMA: Abela kien ilu jaf bil-frodi tal-isptarijiet sa mill-2021

“Robert Abela kompliċi, kien jaf u kompla jgħinhom jisirquna”.

Hekk iddikjara l-Kap tal-PN Bernard Grech wara li l-Inkjesta Vitals ikkonfermat kif f’Settembru tal-2021 in-nies ta’ Steward kienu diġà infurmaw lill-Prim Ministru Abela dwar is-serqa tal-isptarijiet.

Fil-fatt, kien Armin Ernst li kiteb lil Robert Abela tliet snin ilu. Ernst kien il-Kap Eżekuttiv tal-Vitals, li ironikament baqa’ jmexxi anke lil Steward Healthcare bħala President.

Minkejja li Abela kien ilu mill-inqas sa mill-2021 konxju ta’ dak li kien għaddej, il-Gvern tiegħu – bil-Ministri kollha inklużi – baqgħu jimpalaw il-miljuni, sena wara l-oħra, f’dan id-deal maħmuġ. Bil-kumpanija Steward ma’ tagħmel ebda investiment maġġuri fl-Isptar San Luqa, filwaqt li l-isptar il-ġdid t’Għawdex baqa’ ma nbeniex.

Fil-proċess ta’ din l-inkjesta, l-esperti mqabbdin mill-Qorti kkonfermaw li Vitals kellhom il-ħsieb jimmanipulaw fil-perijodu kollu ta’ din il-konċessjoni mogħtija mill-Gvern Laburista – deal li sewa lil pajjiżna miljuni kbar.

Apparti l-Isptar t’Għawdex u l-Isptar San Luqa, il-konċessjoni kienet tinkludi wkoll l-Isptar Karin Grech.

L-Inkjesta Vitals tikkonferma wkoll kif il-kumpanija Sterward – il-famuż real deal ta’ Fearne – kompliet tagħti “kuntratti suspettużi”. Dan apparti li inżammet l-istess segretezza li kienet qed tuża Vitals fl-operat tagħha.