Hekk kif l-iskema stabbiltà – li suppost kellha traħħas numru ta’ prodotti – issa ilha kważi fis-seħħ għal erba’ xhur, ma jonqsux l-ilmenti tan-nies li qed isostnu li din l-iskema hija ineffettiva għall-aħħar. L-istess skema li l-Gvern ta’ Robert Abela tant ftaħar biha.
Waqt il-programm ta’ Andrew Azzopardi fuq l-RTK, l-attivist Wayne Flask fisser għaliex din l-iskema falliet u ma laħqitx l-għanijiet tagħha.
Fl-aħħar jiem Net News mar fit-toroq tal-Belt Valletta sabiex jisma’ dak li għandu xi jgħid il-poplu fuq din l-iskema, bil-maġġoranza jgħidu li l-iskema tant mhix effettiva li ġimgħa wara l-oħra qed ikomplu jaraw il-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali jisparaw ‘il fuq.
Kaġun tal-isplużjoni fil-prezzijiet, ħafna familji mhux qed jirnexxielhom ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar sal-punt li qed jispiċċaw jiċċaħdu mill-iktar affarijiet bażiċi.
Quddiem din is-sitwazzjoni, il-Partit Nazzjonalista ilu għal diversi xhur jimbotta l-proposti tiegħu bil-għan li tkun indirizzata l-pjaga tal-għoli tal-ħajja – fost l-oħrajn billi l-COLA ma tkunx intaxxata, li jkollna mudell ekonomiku ġdid ibbażat fuq il-kwalità minflok fuq il-kwantità, kif ukoll li jkun hawn Fond Nazzjonali li jgħin lill-importaturi kif ukoll l-esportaturi.
//= $special ?>