Lokali Qorti Saħħa

“Apposta mhu se ssib xejn f’isem Muscat, għax kollox fuq Keith Schembri” – il-MaltaToday tippubblika l-Inkjesta Vitals

Chris Fearne, Joseph Muscat u Robert Abela

Id-deal tal-isptarijiet, il-kickbacks, il-ħabi u l-frodi minn flus il-poplu

Il-gazzetta MaltaToday ippubblikat b’mod sħiħ l-1,218-il paġna tal-proċess verbal tal-Inkjesta tal-Vitals li mexxiet il-Maġistrat Gabriella Vella. Proċess verbal li jitfa’ dawl fuq din il-frodi enormi li mexxa l-Gvern Laburista, bil-Professur Andrew Azzopardi jgħid “naqra, u nkun irrid naqla'”.

L-Inkjesta tagħmel referenza għal ċertu Kamal Sharma, li kien Direttur tal-famuża kumpanija Accutor AG. Huwa dan il-barrani li xehed kif kollox tpoġġa’ apposta fuq isem Keith Schembri biex isem Joseph Muscat ma jidher imkien.

Fir-rapport, jissemma’ wkoll kif fid-9 ta’ April li għadda kienet ġiet iffissata seduta li fiha ssejjaħ Joseph Muscat. Iżda l-Eks Prim Ministru ma attendiex.

Separatament, it-Times żvelat kif f’nofs dawn l-intriċċi kollha hemm kumpanija li allegatament kienet qed tieħu 10% fi ħlasijiet ġejjin minn tixħim. Kien hemm ukoll supplier ta’ apparat mediku li s-sidien tagħhom inżammu moħbija.

Apparti minn hekk, jidher li kien hemm ukoll shareholder sigriet li kien qed idaħħal fil-but €100,000 fix-xahar f’konsulenzi.

Dak li ġie ppubblikat mill-MaltaToday ma jinkludix l-evidenza li hemm fit-78 kaxxa

Fl-inkjesta jingħad li r-rapport li kien ġie mqabbad ifassal John Dalli minn Joseph Muscat rigward l-Isptar Mater Dei, poġġa pressjoni kbira fuq il-Ministru għas-Saħħa ta’ dak iż-żmien Godfrey Farrugia tant li sussegwentament dan irriżenja.

Grazzi għal din ir-riżenja, infetaħ bieb beraħ li bih Muscat qiegħed lil Konrad Mizzi Ministru responsabbli mis-Saħħa u Proġetti Kapitali.

L-esperti maħtura saħqu li fl-opinjoni tagħhom, huma Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi li orkestraw kollox biex tingħata l-konċessjoni lill-Vitals u sussegwentament għamluha possibbli biex isir it-trasferiment bejn VGH u Steward.

Dan it-trasferiment kien ikkundannat minn żewġ sentenzi tal-Qorti Ċivili u l-Qorti tal-Appell fejn f’żewġ istanzi ntqal li l-Gvern kellu jwaqqaf u jinħall mill-kuntratt mal-VGH u mhux iħalli li jsir it-trasferiment.

Kompla jintqal li tant kemm dan it-trio fit-tmexxija tal-Labour kienu wara dan it-trasferiment, li bejn it-18 u l-25 ta’ Settembru, 2017 – Schembri u Muscat siefru lejn New York fejn Keith il-Kasco itaqa’ ma’ Armin Ernst fejn ta bidu għad-diskussjonijiet biex Steward jieħu t-trasferiment tal-isptarijiet mingħand Vitals.

L-esperti sostnew li hemm evidenza li Muscat kien qed iżomm ruħu infurmat bil-progress ta’ dan it-trasferiment wara li Ernst offra timeline lil Schembri… biċ-Chief of Staff jgħaddi kollox lil Muscat.

L-esperti komplew jisħqu li Muscat, Schembri u Mizzi għamlu minn kollox biex iħarsu l-interessi tal-kumpaniji barranin minkejja li ma bdewx ilaħħqu mal-obbligi stipulati.

Dan filwaqt li saħqu li dan għamluh billi ċaqilqu kontinwament il-lasti – b’estensjonijiet ta’ deadlines – ħafna drabi mingħajr l-approvazzjoni tal-Kabinett.

Intqal ukoll li Mizzi rranġa li Steward jingħataw self ta’ €30 miljun mill-Bank of Valletta u li fis-sajf tal-2019, meta kien ċar li Steward mhux ilaħħqu mal-obbligi, irranġa biex l-Amerikani jingħataw kumpens ta’ €100 miljun fl-eventwalità li l-konċessjoni titqies bħala illegali.

Kien lejn l-aħħar ta’ April, meta l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg iddeċidiet li fost oħrajn, l-Eks Prim Minisru Joseph Muscat flimkien mal-id il-leminija tiegħu Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom jitressqu l-Qorti nhar it-Tlieta akkużati fost oħrajn bi frodi u ħasil ta’ flus.

Dawn huma l-konklużjonijiet tal-Maġistrat wara l-investigazzjonijiet li saru b’rabta ma’ evidenza u xhieda li ngħataw.

Filwaqt li dan id-dokument jinkludi l-konklużjonijiet tal-Maġistrat Gabriella Vella u s’intendi hemm inkluż ukoll xi sejbiet u testimonjanzi li ngħataw, ma jinkludix l-evidenza kollha; ċioè t-78 kaxxa evidenza li ssemmew fil-Qorti.

F’din l-inkjesta jissemmew diversi politiċi, uffiċjali għolja tal-Gvern u dawk li kellhom rabta mat-tmexxija ta’ Vitals u Steward fosthom Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi, Chris Cardona, Chris Fearne, Edward Scicluna, Armin Ernst, Shaukat Ali, Ram Tumuluri kif ukoll, fost oħrajn, kumpaniji bħal Nexia BT u Accutor AG.

L-editur tal-MaltaToday insista li d-deċiżjoni li tali dokument jiġi ppubblikat ittieħdet għaliex inħass li l-pubbliku għandu dritt ikun jaf x’sejbiet kien hemm.

Huwa saħaq li jemmen li ċ-ċittadin li jħallas it-taxxi għandu dritt ikollu l-istampa sħiħa qabel jivvota, li għandu dritt ikun jaf kif qed jintużaw il-flus, u kif il-wegħda ta’ bidu ġdid għas-settur tas-saħħa kienet biss ħadma biex iħaxxnu buthom.