Tal-Labour jgħidu li mhux veru li trid lin-nies quddiem il-Qorti
Jiena se nkun hemm – aħna suldati tal-azzar ta’ veru mhux tal-Facebook biss. Dan huwa l-appell li għamlet fuq il-midja soċjali Michelle Muscat, il-mara tal-Eks Mexxej tal-Labour Joseph Muscat.
Fil-fatt, minkejja li l-Prim Ministru Robert Abela qed jgħid lill-partitarji tal-Labour u s-segwaċi ta’ Muscat biex jibqgħu x-xogħol, Michelle Muscat ingħaqdet mas-sejħa ta’ Emmanuel Cuschieri, Jason Micallef u Charlon Gouder biex nhar it-Tlieta filgħodu l-partitarji jingħaqdu quddiem il-binja tal-Qorti hekk kif ir-raġel tagħha se jitressaq quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello akkużat bi frodi u ħasil ta’ flus.
Fl-aħħar jiem Net News staqsa lill-President tal-Labour Ramona Attard u lil Membru Parlamentari Ewropew Laburista u ħabib ta’ Joseph Muscat, Alex Agius Saliba, jekk hux se jkunu qed jattendu għal din il-laqgħa ta’ solidarjetà favur Joseph Muscat biss.
It-tweġiba ta’ Attard kienet li m’hemm l-ebda qasma fil-Partit Laburista u li n-nies iridu jwieġbu billi jivvotaw, filwaqt li surrealment saħqet li Michelle Muscat mhux tħeġġeġ lin-nies jattendu.
Fatt skorrett għalkollox hekk kif għal aktar minn darba Muscat sejħet lin-nies biex jingħaqdu magħha.
Agius Saliba, minn naħa tiegħu, insista li qatt ma staħa jkun ma’ ġenb Joseph Muscat.
Filwaqt li sostna li ma jistħix mill-passat tal-Labour, sal-aħħar baqa’ ma qalx jekk hux se jattendi għall-protesta tat-Tlieta.
//= $special ?>