Lokali

Organizzata Q&A mal-kandidati tal-PN għall-elezzjoni tal-PE mill-MŻPN 

Il-Ħadd filgħaxija l-fergħa taż-żagħżagħ tal-Partit Nazzjonalista, l-MŻPN, organizzaw attività ta’ Q&A mal-kandidati tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, fil-ġnien f’Ta’ Qali.

Għal din il-Q&A attendew il-kandidati Dabid Agius, Norma Camilleri, David Agius, Louise Ann Pulis, Peter Agius, Miriana Calleja Testaferrata de Noto u Lee Bugeja Bartolo. Ħa sehem ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

Diversi żagħżagħ li kienu preżenti għal din l-attività staqsew mistoqsijiet lill-kandidati preżenti.

Lee Bugeja Bartolo fetaħ din l-attività billi wieġeb l-ewwel mistoqsija li kienet dwar l-ambjent u l-global warming, filwaqt li semma xi miżuri li qed tieħu l-Unjoni Ewropea, bħall pakkett tal-Fit for 55.

Żagħżugħ ieħor staqsa lil Norma Camilleri dwar id-drittijiet umani, li għal din il-mistoqsija wieġbet li jekk tiġi eletta, hi se taħdem għad-dritt tal-edukazzjoni u d-dritt tas-saħħa, li sfortunatament hemm ħafna li ma jistgħux jaċċessaw.

Minn naħa tiegħu, Peter Agius wieġeb mistoqsija dwar il-fondi Ewropej, fejn sostna li dawn il-fondi jiftħu diversi bibien lill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Hu semma kif sfortunatament, Malta qegħda taħt skrutinju ta’ dawn il-fondi, hekk kif kienu involuti f’14-il każ ta’ frodi. B’hekk hu se jaħdem sabiex dawn il-fondi jintużaw b’mod ġust.

David Casa mbagħad semma kif id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista għandha reputazzjoni tajba fi ħdan il-Parlament Ewropew, minkejja li qegħdin tnejn biss. Bi tweġiba għall-mistoqsija mogħtija lilu, Casa sostna li hu u Metsola qed jaħdmu flimkien fl-Ewropa rigward diversi problemi li qed taffaċċja Malta minħabba l-inkompetenza ta’ Gvern Laburista.

Bugeja Bartolo mbagħad wieġeb mistoqsija dwar is-sostennibbiltá, kif ukoll semma l-bżonn li ssir riċerka dwar alternattivi għall-użu tal-fjuwils mhux rinovabbli.

Miriana Calleja Testaferrata de Noto sostniet li l-integrazzjoni hi kruċjali sabiex l-Unjoni Ewropea tkompli tissaħħaħ, iżda hu importanti li l-identitá tal-pajjiż ma tinbidilx. Hi sostniet ukoll l-importanza tat-trasparenza biex l-Unjoni Ewropea tibqa’ viċin in-nies.

Imbagħad, Louise Ann Pulis sostniet li għandna emerġenza globali tal-ambjent, u sostniet li l-Fit for 55 hi importanti biex niġġieldu din l-isfida. Hi kompliet tgħid li Malta għandna biżżejjed riżorsi biex nibdew nimxu pass pass lejn enerġija rinovabbli.

Meta mistoqsi dwar ir-regolamenti dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (AI) tal-Ewropa, Agius staqsa kif nistgħu nużaw l-AI bħala għodda biex niġbdu lejn pajjiżna iżjed xogħlijiet u opportunitajiet f’pajjiżna stess. Hu semma wkoll l-Artificial Intelligence Act tal-Unjoni Ewropea, li tgħin sabiex il-kumpaniji jistgħu jinvestu fl-AI.

Bi tweġiba għall-mistoqsija dwar l-immigranti f’Malta, Pulis sostniet li hemm bżonn naraw eżatt x’tip ta’ immigranti huma dawk li qed jiġu Malta, u b’hekk hemm bżonn li l-pajjiżi jaqsmu l-informazzjoni li għandhom bejn xulxin, l-aqwa li d-drittijiet tal-umani jibgħu jinżammu.

Minn naħa tagħha, Camilleri kompliet tgħid li għad baqa ħafna xi jsir dwar id-drittijiet umani. Semmiet ukoll kif iż-żagħżagħ mhumiex qed jiġu ppreparati sew għal futur tagħhom, u b’hekk hu d-dover tal-pajjiżi Ewropej biex flimkien jaħdmu biex insaħħu s-sistemi edukattivi.

Calleja Testaferrata de Noto kompliet billi tgħid li mhux li jkollok xogħol biss li hu importanti, iżda li x-xogħol li jkollok ikun ta’ kwalitá. Semmiet ukoll il-problema ta’ youth unemployment f’Malta. Hi semmiet kif l-Ewropa tippromwovi l-kwalitá tax-xogħol.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ikkonkluda din l-attività billi sostna l-importanza li naqsmu l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista, speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi politika li għaddej minnu pajjiżna. Hu sostna l-importanza li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jaħdem fuq il-kwistjonijiet li ssemmew matul din il-Q&A.

Wara din l-attività, l-MŻPN organizzat riċeviment għal dawk li attendew, sabiex kull min kien preżenti setgħu jkompli jiltaqgħu u jitkellmu mal-kandidati.