Lokali

Roderick Galdes deskritt bħala l-Ministru “tal-Frodi Elettorali”

“Dan kien abbuż sistematiku iżda ħareġ biċ-ċar li dan kien frodi elettorali bil-għan li l-Partit Laburista jżomm il-lokalità tas-Siġġiewi.”

Sostna dan ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja, Karol Aquilina, f’kollegament telefoniku waqt il-programm Net Live hekk kif matul il-ġimgħa li għaddiet il-Partit Nazzjonalista rebaħ id-99 rikors b’rabta mal-voti li kienu tpoġġew fuq il-binja tal-housing tas-Siġġiewi.

Karol Aquilina saħaq li l-Qorti kkonfermat li sar frodi elettorali; tant illi iddeskriva lil Roderick Galdes bħala l-Ministru tal-Frodi Elettorali.

Apparti minn hekk, Karol Aquilina qal li saru ‘l fuq minn 250 seduta; bi 22 Maġistrat jikkonfermaw dak li kien qed jgħid il-Partit Nazzjonalista – proprju li sar frodi elettorali.

Karol Aquilina qal li matul dawn is-seduti ngħatat il-konferma li dan l-abbuż sar mill-Ministeru ta’ Roderick Galdes bil-għan li l-Labour jakkwista aktar voti fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali … u jżomm il-lokalità tas-Siġġiewi.

Intant, fl-istess jum li dawn ir-rikorsi ġew fi tmiemhom, is-Sindku Laburista tas-Siġġiewi Dominic Grech – l-istess sindku li mmanipula ritratt bil-photoshop biex ħoloq fake news dwar bankina – issa ħa ritratt ma’ Roderick Galdes. U din id-darba, kien ritratt veru.