Kummerċ Lokali

Atlas Insurance taħtar lil Max Ganado u Marisa Xuereb fil-Bord tad-Diretturi

Atlas Insurance ħabbret il-ħatra ta’ Marisa Xuereb u Dr Max Ganado fil-Bord tad-Diretturi ta’ Atlas Insurance PCC Limited, fir-rwol ta’ diretturi indipendenti mhux eżekuttivi.

Huma se jkunu qed jieħdu post Dr Andre Camilleri u Philip Micallef li waslu fit-tmiem tal-mandat tagħhom.

Marisa Xuereb hija Eks President tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta. Hija mexxeja tan-negozju b’esperjenza twila fis-settur tal-manifattura u  tirrappreżenta l-interessi tan-negozju f’fora kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali. Xuereb serviet u għadha sservi fuq il-bordijiet ta’ diversi kumpaniji prominenti.

Dr Max Ganado ilu kważi 40 sena jipprattika l-liġi. Wara li beda l-karriera tiegħu bħala avukat marittimu, Dr Ganado kompla jiżviluppa l-prattiċi tas-Servizzi Finanzjarji fi ħdan Ganado Advocates, id-ditta li minnha rtira bħala Senior Partner fl-2020.