Il-Partit Nazzjonalista jiġbed l-attenzjoni għall-ittri li qed jinħarġu mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, fejn qed joffri s-somma ta’ €3,000 bħala kumpens biex jirtiraw l-ilment li għandhom numru ta’ suldati quddiem l-AFM Complaints Bord, li hu l-Kummissjoni għall-Inġustizzji.
Sostnew dan ix-Shadow Ministers Darren Carabott u Ivan Castillo fi stqarrija.
Din id-deċiżjoni, fi żmien ta’ kampanja elettorali, ma sservi xejn ħlief li toffendi lil dawk li għamlu s-snin iservu fil-Forzi Armati tagħna billi tgħidilhom li l-Kummissjoni kkonkludiet ir-rapport tagħha u toffrilhom li jistgħu jiffirmaw dikjarazzjoni li tkun annessa ma’ din l-ittra u jaċċettaw €3,000 jew jappellaw fi żmien għaxart ijiem. U agħar minn hekk, lil min ċaħditlu l-ilment tiegħu, ma tagħtih l-ebda raġuni għal dan, fi ksur tad-dritt bażiku tal-ġustizzja.
Dan hu t-tielet ċiklu tal-attentat tal-Gvern Laburista mill-2013, liema Bord qed joħloq ċiklu vizzjuż u jżid l-inġustizzji, fejn kif jingħalaq ċiklu ta’ deċiżjonijiet, dan jispiċċa joħloq konfużjoni, inċertezzi u saħansitra inġustizzji ġodda, tant li jkollu jerġa’ jiftaħ ċiklu ieħor.
Il-Partit Nazzjonalista għalhekk jiddikjara li dan il-proċess jikxef il-maskra tal-Gvern Laburista, li minflok kellu l-ħsieb ġenwin li jsolvi dawn l-ilmenti, ħoloq proċess magħmul biex ifalli u jilgħab bl-emozzjonijiet tan-nies li taw tant servizz lil pajjiżna.
Dwar dan, il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-Gvern Laburista tal-2013 kien wiegħed li se jsolvi dawn l-inġustizzji darba għal dejjem billi jiffoka fuq kull każ individwali. Iżda issa, 11-il sena wara u lejlet elezzjoni, qed jerġa’ joħroġ ċar li għalih dan kien biss eżerċizzju politiku għax wara dak is-suppost eżerċizzju rigoruż, spiċċa biex sempliċiment ħareġ ittra lejlet elezzjoni mingħajr ebda spjegazzjoni jew rapporti individwali dettaljati u fuq kollox, joffendi lil dawn in-nies li taw servizz billi joffrilhom kumpens biex jirtiraw l-ilment tagħhom.
Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista jfakkar u jagħmel referenza wkoll għal dak li ddeċieda l-Ombudsman, fejn sab li mill-2013 ‘il quddiem numru ta’ nies fil-Forzi Armati sofrew inġustizzji taħt Gvern Laburista. Agħar minn hekk, sal-lum, il-Gvern Laburista għadu ma ħa l-ebda miżura biex jagħti r-rimedju u jsewwi l-ħsara li għamel fuq il-familji tas-suldati tal-Forzi Armati li sfaw vittmi.
Snin wara din il-konklużjoni tal-Ombudsman, il-Gvern Laburista għażel li jinjora u jitfa’ fuq l-ixkaffa din id-deċiżjoni minflok ma jindirizza u jagħti rimedju lil min sofra l-inġustizzji taħtu. Dan apparti wkoll li min sofra inġustizzja f’dawn l-aħħar 11-il sena taħt Gvern Laburista ma ngħatalu l-ebda opportunità biex jingħata rimedju.
Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti rimedji ċari għal dawk kollha li sofrew inġustizzja taħt il-Gvern Laburista, irrispettivament minn kemm għadda żmien fuq il-każ.
B’appell ċar lis-suldati, irrispettivament minn x’tiffirmaw mal-Gvern Laburista, Gvern ġdid Nazzjonalista jagħmel ġustizzja ma’ kull persuna involuta u jitħallsu dak li hu dovut lilhom.
//= $special ?>