Internazzjonali

Gaza: Indikazzjonijiet ta’ għexieren ta’ ċivili maqtula f’kamp tar-refuġjati ta’ Rafah

L-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNRWA) u entitajiet oħra ta’ fejda bħall-Médecins Sans Frontières qed jappellaw biex Iżrael iwaqqaf minnufih l-azzjonijiet militari f’Rafah — u meta l-offensiva fuq it-terroristi tal-Ħamas qed tirriżulta fl-imwiet ta’ dejjem aktar ċivili.

L-aħħar rapporti mill-Ministeru tas-Saħħa fil-Medda ta’ Gaza (immexxi mill-Ħamas) qed jgħidu li bejn nhar il-Ħadd u llum, inqatlu talanqas 50 ċivili, fosthom nisa u tfal waqt attakk mill-qawwiet tal-ajru Iżreljani fuq kamp għar-refuġjati Palestinjani fil-belt ta’ Rafah.

Il-filmati miz-zona partikulari ta’ Tal al-Sultan urew, fost oħrajn, splużjoni kbira u numru ta’ nirien intensivi fl-inħawi. Dan waqt li l-Kmandanti tal-Armata Iżraeljana qalu li fl-attakk inqatlu żewġ kapijiet ewlenin tal-Ħamas u li huma kienu qed jinvestigaw ir-rapporti dwar il-qtil u feriment ta-ċivili waqt l-azzjoni.

Sighat qabel l-attakk fuq Rafah, it-terroristi tal-Ħamas kienu sparaw numru ta’ missili lejn il-belt ta’ Tel Aviv, fiċ-ċentru ta’ Iżrael, u fejn ma rriżultaw l-ebda vittmi.

Fl-istess ħin, Iżrael jidher li qed jinjora kompletament id-direttiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja f’The Hague biex iwaqqaf mal-ewwel l-offensiva militari f’Rafah. Dan meta fl-inħawi għad hemm il-mijiet tal-eluf tar-refuġjati Palestinjani li marru f’din il-belt u l-madwar biex jaħarbu mill-gwerra li ilha għaddejja f’Gaza mill-bidu ta’ Ottubru.

Intant, l-indikazzjonijiet huma li l-attakki mill-qawwiet tal-ajru Iżraeljani ħallew straġi fiz-zona ta’ Tal al-Sultan (lejn il-majjistral miċ-ċentru ta’ Rafah) wara li ntlaqat sit tat-tined riservat għar-refuġjati u li kien twaqqaf mill-ħaddiema tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Medda ta’ Gaza.

Iżda l-uffiċjali tal-qawwiet Iżraeljani qalu li l-attakk kien immirat speċifikament għall-Mexxejja tal-Ħamas u li fl-aħħar sigħat sfaw maqtula Yassin Rabia, il-Kap tal-Istaff tal-ġellieda ta’ dan il-grupp Palestinjan fix-Xatt tal-Punent flimkien ma’ Khaled Nagar, indikat bħala terrorista ieħor li kien strumentali f’numru ta’ attakki fuq l-Iżraeljani.

L-Ogħla Tmexxija tal-militar Iżraelan, fl-istess ħin, qalet li hi xorta waħda konxja mir-rapporti li qed jindikaw il-vittmi ċivili waqt l-attakki fuq l-inħawi ta’ Tal al-Sultan — u bl-istess mexxejja qed jindagaw l-iżviluppi relatati.