“Huwa biss il-Partit Nazzjonalista li huwa t-tarka tal-poplu u l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.”
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt l-attività politika li saret it-Tnejn filgħaxija, f’Ħaż-Żabbar, bit-tema ‘Għalik’.
Bernard Grech qal li mill-Inkjesta Vitals sirna nafu li l-kumpanija Vitals Global Healthcare kienet taf li se ssir elezzjoni ġenerali bikrija – l-istess kumpanija li kellha deal frawdolenti ma’ Gvern Laburista. Hawnhekk, huwa fakkar li kien il-Partit Nazzjonalista li ġab it-tliet sptarijiet lura u fakkar ukoll li Robert Abela baqa’ jiddefendi lil Vitals u Steward sal-aħħar nifs. Dan apparti li kien ukoll il-Partit Nazzjonalista li ħa azzjoni bil-għan li jinġiebu l-€400 miljun lura. F’din il-kawża Robert Abela qed jipprova jopponi lill-Partit Nazzjonalista milli jinġiebu l-flus lura.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li waqt is-seduta tat-Tnejn filgħodu, li l-Partit Nazzjonalista għamel talba sabiex l-Inkjesta tkun ippubblikata uffiċjalment b’Robert Abela jinfexx f’diskors aggressiv u isteriku. Turija ċara li Robert Abela huwa skomdu quddiem din l-Inkjesta.
Bernard Grech saħaq li dan huwa mument traġiku f’pajjiżna fejn it-Tlieta filgħodu se jitressaq quddiem il-Qorti b’akkużi kriminali serji ta’ frodi u serq Eks Prim Ministru ta’ pajjiżna. Huwa fakkar ukoll li se jitressqu l-Eks Chief of Staff Keith Schembri kif ukoll l-Eks Ministru Konrad Mizzi. Bernard Grech saħaq li n-nies li jtappnu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna jridu jħallsu t’għemilhom.
Għaldaqstant, waqt id-diskors tiegħu semma’ l-proposti tal-Partit Nazzjonalista għal-lokalità ta’ Ħaż-Żabbar:
1. Jiġi introdott Shuttle Service għal kulħadd, speċjalment għall-anzjani u familji bit-tfal.
2. Impenn għall-bini ta’ Dar għall-Anzjani, Night Shelter u Day Centre f’Ħaż-Żabbar.
3. Isir studju ta’ Traffic Management u għall-ħolqien ta’ aktar parkeġġi anki taħt l-art.
4. Isir studju dwar il-qagħda soċjali ta’ Ħaż-Żabbar dwar diżabbiltà, il-familji, il-faqar, il-problema tad-djar, il-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità.
5. Isir l-aħjar użu u ħarsien tal-ispazji miftuħa.
6. Tingħata aktar importanza lejn l-istorja tal-lokalità biex jitqanqal aktar interess kemm għall-komunità kif ukoll għal min iżurna.
7. Impenn għal iktar użu tar-roti fil-komunità.
8. Impenn għal żieda fl-allokazzjoni għall-fondi tal-kultura u sport.
9. Jiġu installati CCTVs f’postijiet fejn hu magħruf li jkun hemm abbuż u tiġi introdotta s-sistema ta’ Neighbourhood Watch fiz-zoni kollha ta’ Ħaż-Żabbar.
10. Jiġu rranġati l-bankini fejn meħtieġ u jiżdiedu l-parkeġġi.
11. Isir tisbiħ tal-Isqaqien fiz-zona tal-Biċċieni.
12. Niżguraw li l-bankini jkunu aċċessibbli għal kulħadd.
13. Naħdmu biex it-trasport pubbliku lejn u minn Ħaż-Żabbar ikun iktar frekwenti u effiċjenti u jilħaq iktar postijijiet fil-belt tagħna.
Intant, Bernard Grech qal li fit-8 ta’ Ġunju l-poplu għandu għażla importanti quddiem bejn partit li jġib lill-poplu l-ewwel u qabel kollox, u partit li jostor il-verità.
//= $special ?>