Elezzjonijiet 2024 Lokali

“Il-PN determinat li jibni Malta aħjar għalik ” – Miriana Calleja Testaferrata de Noto

Ritratt: Matthew Tabone

“Il-Partit Nazzjonalista determinat li jibni Malta aħjar għalik, dan għaliex il-Partit Nazzjonalista dejjem ħadem fl-interess tal-poplu u se jibqa’ jagħmel hekk fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell Ewropew.”

Sostniet dan il-kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Miriana Calleja Testaferrata de Noto waqt l-attività politika li saret it-Tnejn filgħaxija, f’Ħaż Żabbar, bit-tema ‘Għalik’.

Hija qalet li l-poplu qed jaffaċċja numru ta’ sfidi fosthom l-għoli tal-ħajja bil-prezzijiet qed jogħlew jum wara l-ieħor, kif ukoll il-problema tat-traffiku b’numru sostanzjali ta’ toroq spiċċaw inqalgħu darbtejn. Apparti minn hekk, hija qalet li l-kwalità tal-arja dejjem sejra għall-agħar bil-kandidata tappella li l-ambjent għandu jkun prijorità u jsir dritt fundamentali fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.

Miriana Calleja Testaferrata de Noto sostniet li s-settur tas-saħħa jinsab għarkupptejh b’numru ta’ mediċini out-of-stock, dewmien esaġerat fl-Emerġenza, kif ukoll li għandna sptar li mhux qed ilaħħaq mal-isplużjoni fil-popolazzjoni. Hija fakkret li l-Partit Laburista seraq lill-pajjiżna €400 miljun f’deal frawdolenti b’ebda investiment fis-settur tas-saħħa.

Il-kandidata saħqet li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell Ewropew għall-ġid tal-poplu.