Internazzjonali

Il-Polonja: Issaħħaħ il-fruntieri mal-Belarus …fost it-tħassib dwar l-aġir ta’ Minsk

L-Uffiċjali responsabbli mid-difiża tal-Polonja preżentaw il-pjani biex isaħħu l-fruntieri lejn il-lvant tal-pajjiż. Dan fost l-inkwiet dwar il-potenzjal ta’ aggressjoni min-naħa tal-Belarus – alleat kbir tar-Russja u l-President Vladimir Putin.

Il-pjan jesiġi t-tisħiħ tas-sorveljanza bid-drones u l-faċilitajiet militari tal-art, permezz ta’ sistema ta’ fortifikazzjonijiet tul xi 700 kilometru tal-art viċin tal-Belarus.

Il-Polonja, li qed tappoġġja lill-Ukrajna waqt il-gwerra tagħha mar-Russja, żvelat li ilha mira għal azzjonijiet ostili ‘mhux daqstant fuq skala kbira’ min-naħa tal-Kremlin (f’Moska) kif ukoll mill-Gvern immexxi mill-President tal-Belarus Alexander Lukashenko.

F’dan il-każ issemmew l-attakki ċibernetiċi, flimkien mat-trasferiment sfurzat ta’ immigranti mill-artijiet tal-Belarus lejn il-Polonja – bl-aħħar azzjoni qed tidher bħala parti mill-pjan tar-Russja u l-Belarus biex jiddistabbilizzaw lill-Unjoni Ewropea (li l-Polonja tifforma parti minnha).