Lokali

INKJESTA VITALS: It-tabella li turi kif bdew għaddejjin il-flus għand Joseph Muscat

L-Inkjesta b’rabta mad-deal frawdolenti li sar ma’ Vitals u Steward turi iswed fuq l-abjad kif għaddew l-eluf ta’ ewro lill-Eks Prim Ministru Joseph Muscat hekk kif matul is-sena 2020 huwa tħallas €15,000 kull xahar għal konsulenza.

Skont it-tabella maħruġa fl-Inkjesta, jidher li Joseph Muscat ingħata l-pagamenti ta’ €15,000 bejn ix-xhur ta’ Marzu u Ġunju.

Għaldaqstant, fl-Inkjesta wkoll issemmiet email deskritta bħala evidenza ferm b’saħħitha, dan hekk kif turi l-intenzjoni li jiġu ffrodati numru ta’ uffiċjali pubbliċi. L-email li ntbagħtet fil-11 ta’ Awwissu tal-2019 bejn il-Kap Eżekuttiv ta’ Steward Healthcare Malta, Armin Ernst, u ċ-Chief Financial Officer ta’ Steward International, Miroslav Boyanov, intqal li daħal fis-seħħ ‘consulting agreement’ u li tiegħu se jingħata pagament ta’ €100,000 fix-xahar. L-investigaturi qalu li dan l-agreement x’aktarx sar sabiex jiffrodaw lill-Gvern Malti.

16-il ġurnata wara din l-email, Konrad Mizzi iffirma ftehim ieħor fejn il-kumpanija Steward tingħata €100 miljun jekk il-kuntratt jiġi annullat mill-Qorti. Dan filwaqt li l-Awditur Ġenerali skopra li dan l-istess ftehim qatt ma ntwera lill-Kabinett – bħalma ġara f’numru ta’ dokumenti oħra.

Jidher li l-pagamenti bdew jingħataw minn Settembru tal-2019 u kienu jammontaw għal €125,004 fix-xahar, bl-aħħar pagament imbagħad ingħata f’Mejju tal-2020. U allura, dan ifisser li Steward ħallset lil Accutor €1.1 miljun b’rabta ma’ dan il-consulting agreement.

Dawn il-pagamenti huma ferm sinifikanti hekk kif Joseph Muscat beda jirċievi pagamenti meta rriżenja minn Prim Ministru f’Jannar tal-2020 – fil-perjodu meta kienu għaddejjin dawn il-pagamenti ta’ €125,000.

Intant, l-Inkjesta tgħid ukoll li kemm Keith Schembri kif ukoll Konrad Mizzi kellhom ftehim ta’ konsulenza apparti ma’ Accutor li tqajjem tħassib kbir jekk kinux qed jingħataw xi pagamenti fil-perjodu li pajjiżna ħallas mal-€125,000 fix-xahar.