L-Ispettur Warren Galea akkuża lil Harrison Anthony Sheary ta’ 21 sena mir-Renju Unit, b’pussess sempliċi ta’ kokaina u ecstasy, dawn tal-aħħar kemm f’forma ta’ pilloli kif ukoll ta’ trab. Il-Qorti semgħet kif, għall-ħabta tas-6.20pm tas-Sibt 25 ta’ Mejju, uffiċjali tal-Pulizija fuq patrol f’San Pawl il-Baħar kienu osservaw lil Sheary iżomm qartas abjad żgħir ta’ dehra suspettuża, li poġġa f’pouch li kien liebes, malli lemaħ il- Pulizija.
L-uffiċjali kienu avviċinaw lir-raġel, li ta l-kunsens tiegħu biex jiġi mfittex. L-uffiċjali sabu li Sheary kien qed iġorr trab MDMA, kif ukoll tliet pilloli ecstasy u ammont żgħir ta’ kokaina. Huwa ġie arrestat u ttieħed l-għassa tal-Qawra għall-interrogazzjoni.
L-Avukat Adriano Spiteri, li kien qed jassisti lil Sheary bħala avukat tal-għajnuna legali, informa lill-Maġistrat Nadine Sant Lia li l-imputat xtaq jammetti. Qabel ma laqgħet it-talba, il-Qorti staqsiet lil Sheary jekk fehimx l-importanza tal-ammissjoni tal-ħtija tiegħu, u spjegat li l-liġi stabbilixxiet parametri għall-piena għall-akkużi li jiffaċċja, li kienu jvarjaw minn sempliċi multa sa priġunerija.
Wara li l-ammissjoni tal-ħtija ġiet ikkonfermata, saru sottomissjonijiet dwar il-piena. L-Ispettur Galea kkonferma li r-raġel kien ikkopera mal-Pulizija u li l-ammonti kienu żgħar, indikattivi ta’ pussess sempliċi biss. Il-partijiet qablu li piena minima kienet tixraq dan it-tip ta’ reat.
Wara li semgħet dak li kellhom xi jgħidu l-partijiet dwar il-piena, il-Qorti pproċediet biex ħelset b’kundizzjoni lir-raġel li ma jagħmilx reat għal sentejn, kif ukoll ordnatlu jħallas multa ta’ €500.