Lokali Qorti

L-Avukat tal-Istat jerġa’ jopponi biex il-Qorti jkollha kopja tal-Inkjesta Vitals… minkejja li ħarġet fuq il-media

L-Avukat tal-Istat reġa’ oppona bil-qawwa kollha biex il-Qorti jkollha kopja tal-Inkjesta Vitals minkejja li din ġiet ippubblika fil-ġurnal Malta Today tal-Ħadd, 26 ta’ Mejju. Din kienet it-tieni darba li l-Avukat tal-Istat oppona għal din it-talba, xi ħaġa li kien għamel fil-15 ta’ Mejju li għadda, u li rrepeta t-Tnejn filgħodu.

ll-Qorti preseduta mill-Imħallef Toni Abela, għal darb’oħra ċaħdet talba tal-Partit Nazzjonalista biex l-inkjesta tal-Vitals tkun esebita fil-każ tagħha dwar in-nuqqas ta’ azzjoni tal-istat biex jirkupra l-fondi froditi, fejn qalet li l-Qorti mhux se tkun immexxija minn imneħirha u ma toqgħodx fuq dak li jinħareġ fuq il-media.

Dan ħareġ fil-Qorti t-Tnejn filgħodu f’seduta mhux tant twila, iżda vibranti, fil-kawża ċivili mressqa mill-PN li qed ifittex li l-pajjiż jirkupra €400 miljun, imħallsa mit-taxxi tal-poplu wara l-ħadma u d-deal frawdolenti  tal-isptarijiet mal-Vitals Global Healthcare, aktar tard meħuda minn Steward Healthcare, li sussegwentement ġiet iddikjarata nulla minn Qorti minħabba frodi u kollużjoni.

L-Avukat Edward Debono f’isem il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech li fetaħ il-kawża kontra l-Avukat tal-Istat, qal li xtaq jinforma lill-Qorti li mill-aħħar seduta li saret 15-il ġurnata ilu, seħħew żviluppi u invista ta’ dan il-fatt, il-Qorti għandha jkollha kopja tal-Inkjesta Vitals wara li din ġiet ippubblikata fuq il-ġurnal Malta Today.

Dr. Debono qal li għalhekk huwa imperattiv li l-Qorti f’dan il-każ ikollha kopja tal-Inkjesta Maġisterjali. Il-Qorti staqsiet lill-Avukat jekk saritx talba lill-Avukat Ġenerali f’dan is-sens, bl-Avukat iwieġeb li t-talba ilha li saret iżda l-PN baqa’ bla risposta, u kien għalhekk li l-ġimgħa l-oħra sar protest ġudizzjarju.

L-Avukat tal-Istat qal li kien qed jopponi għal din it-talba, għax din it-talba diġà saret u l-Qorti diġà tat digriet dwar dan, li mhux biss rigward il-kwistjoni tal-illegalità ta’ ċertu atti li jiġu fid-dominju pubbliku, iżda wkoll qal l-Avukat għax ma hemmx rilvenza fuqhom għal dan il-każ. “Ma nbidel xejn li din il-Qorti għandha tbiddel il-fehma tagħha, qal l-Avukat tal-Istat.

L-Avukat tal-Istat qal li għax kulħadd jista’ jaraha għax tinsab fid-domiju pubbliku, ma jfissirx li huwa legali. Jekk l-AĠ ma tridx tagħti, hemm proċeduri oħra li trid tiġi segwita u dan jidher li ma sarx. Dr. Debono qal li hemm varjazzjoni minn dak li seħħ 15-il jum ilu.

“L-Avukat tal-Istat għandu jmexxi kontra l-qarrieqa. Dan id-dokument huwa importanti li jiġi konjizzjoni tal-Qorti,” saħaq Debono li kompla jgħid li tant huwa importanti għax l-Avukat tal-Istat ta ċertifikat lil Chris Fearne u lill-Prim Ministru Robert Abela dwar l-intergrità tagħhom, u dan jidher li nbidel mill-pubblikazzjoni tal-inkjesta ‘l hawn.

Debono qal li huwa important meta l-AG ta ċertikat lil Chris Feane u lill-PM għall-integrita tagħhom fit-tmexxija ta’ dan kollu. Il-Qorti semgħet it-talba u s-sottomissjonijiet, diġa ddikjarat ruħha li mhux se tħalli lill media tmexxija minn imneħira u tikkundanna lil dawk li qegħdin iperċu din l-informazzjoni lill gazzetta. U meta tiġi f’idejhom għandhom id-dmir li jippubblikawha.

Il-Qorti qalet li kienet qed tirreferi wkoll għall-kawża li għandha quddiemha li hija marbuta mat-talbiet kif inhuma u diġà spjegat li għal fini ta’ din  il-kawża trid toqgħod fuq dak li qed jingħad mill-partijiet fl-awla u mhux fuq l-inkjesta, għax tgħid ma tinċidix fuq il-mertu ta’ din il-kawża.

Il-Qorti qalet li jiddispjaċiha ili jidher li l-inkjesta qed tieħu s-soppravent u hi ddispjaċuta meta każ daqstant sensittiv hemm nofs tużżana nies li qed jagħmlu l-ħsara lil pajjiż billi jkebbsu n-nar b’mod illeċtu. “Messhom ilhom li saru investigazzjonijiet sabiex ikunu jafu ċirku żgħir ta’ nies li informazzjoni li qed toħroġ mingħandhom. “Jekk il-pajjiż m’għandux struttura biex jirrisolvu dan il-każ, aħseb u ara kemm jista’ jsolvu każijiet akbar, qalet il-Qorti.

Kompla jgħid li mhux sew li titkompla titperreċ informazzjoni u li l-Qorti mhux se tkun kompliċi magħhom, fejn huwa illegali li l-Qorti tiddeċiedi fuq dak li joħroġ fuq il-media li għad trid toħroġ stejjer. Iżda min jinqabad irid iwiepeb fuq min qed joħroġ dawn il-leaks, qalet il-Qorti.

“Kulħadd irid jitgħallem biex ma noqogħdux fuq dak mhux uffiċjali. Lill-PN l-Imħallef Abela qal: “Jekk l-AĠ qed iċċaħħadkom mit-talba, tafu x’għandkom tagħmlu u jekk huwa dritt tagħkom ħuduh. Huwa ta żmien lill-Gvern u lill-Avukat tal-Istat sal-20 ta’ Ġunju, bis-sentenza għandha tingħata fil-11 ta’ Lulju fid-9.30am.

L-avukati Edward DeBono u Nicholas DeBono qed jirrappreżentaw lil Grech u Delia. L-Avukati James D’Agostino u Julian Farrugia qed jirrappreżentaw lill-Avukat tal-Istat. L-avukati Chris Cilia, Ian Borg u Maurizio Cordina qed jirrappreżentaw lill-gvern u lill-Kabinett.