Lokali Qorti

Membru tas-Sigurtà assenjat ma’ Joseph Muscat ordnat jixhed dak li kien qal bil-magħluq fl-omiċidju ta’ Daphne Carauna Galizia

Il-Qorti tal-Maġistrati preseduta mill-Maġistrat Victor Axiak, laqgħet it-talba tal-Avukat Christian Grima biex fis-seduta li jmiss jagħti x-xhieda tiegħu Kenneth Camilleri li kien membru tas-sigurtà assenjat ma’ Joseph Muscat meta dan kien Prim Ministru.

L-Avukat Karl Grech li qed jidher għall-Avukat Grima, qal li dak li xehed bil-magħluq Camilleri fl-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia, hija importanti għal kawża ta’ libell li fetaħ Joseph Muscat kontra l-Avukat Grima, fejn l-Eks Prim Ministru ħassu malafamat fuq post fuq Facebook li fih Dr. Grima allega li Muscat sploda lill-ġurnalista Daphne Caruana Galiza.

Kenneth Camilleri kellu jixhed fil-kawża t-Tnejn waranofsinhar u li iżda ma nstabx meta l-uffiċjali tal-Qorti marru biex jinnotifkawh, u l-istess jista’ jingħad għal Melvin Theuma li bħalissa jinsab taħt sigurtà tal-Pulizija u għalhekk mhux magħrufa r-residenza tiegħu.

Il-Qorti laqgħet ukoll talba li fis-seduta li jmiss jixhdu l-Eks Ministru Chris Cardona u l-Eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri kif ukoll Melvin Theuma, l-middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-aħwa Alfred u George Degiorgio li ammettew l-omiċidju tal-ġurnalista. Fil-każ tal-aħwa Degiorgio, dawn ma ntbagħtux il-Qorti mill-ħabs.

Fuq ix-xhieda ta’ dawn il-persuni, l-Avukat Pawlu Lia li qed jidher għal Joseph Muscat, qal li hu m’għandux oġġezzjoni biex dawn jagħtu d-depożizzjoni tagħhom, sakemm huma relevanti għal każ. Fil-bidu tas-seduta, il-Qorti kienet infurmata li l-aħwa Degiorgio ma kinux preżenti.

Wara li ġiet infurmata, il-Qorti qalet li minkejja d-direttiva li hi tat fid-19 ta’ Frar 2024 biex ix-xhieda George Degiorgio u Alfred Degiorgio jixhdu fil-każ u huma ma nġibux fil-Qorti mill-ħabs, hija qaet li qed twissi għall-aħħar darba lill-Awtoritajiet tal-ħabs biex jieħdu ħsieb li kull seduta jittellgħu x-xhieda msemmija, jekk hemm bżonn b’kordinazzjoni mar-Reġistratur tal-Qrati.

Il-Maġistrat Axiak qal li f’każ li dawn jerġgħu ma jinġibux il-Qorti, jerġa’ jirriżerva li tieħu l-passi kontra d-Direttur tal-ħabs. Wara l-marixxal għajtet biex jixhed Kenneth Camilleri, bid-difiża tgħid li minn dak li jirriżulta kien xehed fi proċeduri oħrajn u li kien mar ikellem lil Melvin Thuema biex jikkalmah.

Il-Qorti qalet li l-inġuzzjoni fil-konfront ta’ Kenneth Camilleri kienet saret fid-19 ta’ April, bir-riferta tasal lura 23 ta’ Mejju, u li kienet negattiva, jiġifieri ma nstabx. Għaldaqstant, huwa se jerġa’ jitħarrek. Fuq Melvin Theuma t-talba biex jiġi l-Qorti se ssir lid-Deputat Kummissarju Keith Arnaud u dan peress li dan jirrisjedi fi prorpjeta mhux magħrufa taħt il-protezzjoni tal-istat.

L-Avukat Lia reġa’ tenna li hawn id-domanda hija x’involviment kellu Joseph Muscat fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, u x’importanza hi x-xhieda ta’ Theuma. L-Avukat Karl Grech qal li hemm ritratt li ċċikorkola fuq il-media, ta’ Melvin Theuma mgħannaq ma’ Keith Schembri u li nħoloqlu xogħol fantażma mal-Gvern.

Ħareġ li dan ix-xogħol ingħatalu għal involviment tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u kien hemm ukoll l-ingaġġ tal-aħwa Degiorgio f’dan il-qtil. “Jekk l-istruzzjonijiet ħarġu minn Kastilja, allura kien hemm persuni involuti u għalhekk nixtieq li Melvin Theuma jgħidli dwar dan kollu,” qal l-Avukat Grech.

Dwar Kenneth Camilleri, l-Avukat Pawlu Lia qal li ma kienx qed joġġezzjona għall-parti fejn kien xehed bil-magħluq biex tiġi esebita, imma wieġed li jrid joqgħod attent fuq dan u jara x’relevenza fiha. Tenna li hawn ma nistgħu nagħmlu “fishing expedition.”

Mistoqsi mill-Qorti jekk jaf x’relevanza kien fiha x-xhieda bil-magħluq tal-eks membru tas-sigurtà ta’ Joseph Muscat, l-Avukat Grech wieġeb fl-affermattiv. Hawn il-media ntalbet toħroġ barra mill-awla biex id-difiża titkellem dwar din il-parti tax-xhieda.

Dr. Lia qal li kien qiegħed joqgħod għad-deċiżjoni tal-Qorti stante li fil-fehem tiegħu li l-Qorti stess hija obbligata bil-liġi li tilqa’ prova li ma tkunx releventi għall-mertu tal-każ. Il-Qorti qalet li semgħet lil Dr. Karl Grech jispjega fil-fehma tiegħu għaliex din ix-xhieda hi relevanti.

Il-Qorti dwar dan tqis li f’dan l-istadju għandha tilqa’ t-talba u li fl-istadju ulterjuri tara jekk tali prova hix relevanti jew le wara li tiġi esebita. It-talba wkoll biex jixhed Keith Schembri u Chris Cardona kienet milqugħa għas-seduta li jmiss li hija għall-14 ta’ Ottubru fin-12.30pm.