Lokali

Micallef jisfida lil Abela – “b’determinazzjoni kbira se nkun qed nassisti lil sieħbi”

Għada Muscat irid “jintlaqa’ biċ-ċapċip f’dan il-mument ta’ prova għalih”

“B’wiċċi minn quddiem, b’kuxjenza safja bil-kalma kollha imma b’determinazzjoni kbira se nkun qed nassisti lil dan sieħbi l-għażiż.”

Sostna dan fuq il-midja soċjali, l-uffiċjal tal-Gvern u Eks Segretarju Ġenerali tal-Partit tal-Labour, Jason Micallef, li qed jibqa’ jisfida l-appelli tal-Prim Ministru Robert Abela u qed jissokta bil-laqgħa tal-miġemgħa li sejjaħ hu flimkien ma’ oħrajn għal quddiem il-Qorti.

Micallef insista li għada filgħodu, meta Joseph Muscat se jkun qiegħed jitressaq il-Qorti akkużat bi frodi u ħasil ta’ flus fost oħrajn, flimkien ma’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, huwa se jkun qiegħed spalla ma’ spalla miegħu.

Dan għaliex skont Micallef, kien Muscat innifsu li talbu jagħmel dan, flimkien ma’ oħrajn – biex ikun ta’ għajnuna.

L-Eks Segretarju Ġenerali tal-Labour appella lil kull min se jkun qiegħed jattendi sabiex jilqgħu lill-Eks Prim Ministru, li taħt it-tmexxija tiegħu seħħ l-akbar frodi minn flus il-poplu, biċ-ċapċip f’dan il-mument ta’ prova għalih u l-familja tiegħu.

Huwa qabbel l-akkużi li qed iħabbat wiċċu Muscat u sħabu ma kampanja elettorali u li bħal ma rebaħ l-elezzjonijiet, Muscat se jkun qed jirbaħ din ukoll.

Argument deskritt minn bosta bħala wieħed partiġjan u perikoluż b’mod partikolari f’inqas minn 24 siegħa li miġemgħa nies mistennija jinġabru quddiem il-binja tal-Qorti wara li Micallef innifsu kien fost dawk li sejħilhom biex jinġabru.