Din is-sena l-Festa ta’ Ġesù Redentur fil-Bażilika tal-Isla ser isir nhar is-7 ta’ Ġunju, festa pubblika. Fis-6 pm tibda quddiesa li jiċċelebra Mons. Carmelo Refalo bis-sehem tal-Kapitlu Senglean, u wara purċissjoni bix-xbieha mirakoluża ta’ Ġesù Redentur. Din is-sena qed tiġi antiċipata minħabba l-elezzjonijiet li hawn f’pajjiżna u li se jsiru l-għada s-Sibt.
Matul din il-purċissjoni organizzata mill-Fratellanza tas-Santissimu Kurċifiss, se jieħdu sehem l-Ordni Ewkestru tas-Santu Sepulkru ta’ Ġerusalemm permezz tal-Kavallieri, Dami u Ekklesjastiċi.
Din il-Festa tmur lura lejn l-1813 meta s-Sengleani għamlu wegħda li jekk ma tidħolx il-pesta ġewwa l-Belt tal-Isla jibdew jagħmlu tliet purċissjonijiet fosthom din ta’ Ġunju, bix-xbieha mirakoluża ta’ Ġesù Redentur. Il-poplu Senglean baqa’ jżomm din il-wegħda u ta’ kull sena ssir din il-Festa ad unur Ġesù Redentur.
Ħafna huma dawk il-pellegrini li jinġabru fil-Bażilika tal-Belt Senglea sabiex jimxu b’tant devozzjoni wara din ix-xbieha mirakoluża, li nistgħu ngħidu li tkun waħda devota u ta’ talb. Ħafna huma dawk il-persuni li jiġu u jagħmlu din il-mixja minħabba xi grazzja li rċevew jew bħala mixja ta’ fidi. Follol kbar joħonqu t-toroq ta’ din il-Belt sabiex jesprimu l-fidi u devozzjoni tagħhom.
Din ix-Xbieha mirakoluża toħroġ fit-toroq tal-Belt Senglea tliet darbiet fis-sena: f’Marzu waqt il-pellegrinaġġ Nazzjonali Djoċesan mmexxi mill-Arċisqof Charles J. Scicluna; fil-purċissjoni bil-misteri tal-passjoni fil-Ġimgħa l-Kbira; u f’Ġunju fil-Festa ddedikata għalih. Din il-festa tibda permezz ta’ tlett ijiem ta’ Tridu li jibdew nhar l-4 ta’ Ġunju sas-6 ta’ Ġunju fis-6pm, fil-Bażilika tal-Isla. Jiftaħ dan it-Tridu din is-sena il-Kan. Dr Nicholas Doublet li huwa l-arkivista tad-Djoċesi u lettur tal-Istorja tal-Knisja fi ħdan l-Università ta’ Malta .
Ħafna komunitajiet jagħmlu pellegrinaġġi ta’ talb sabiex jitolbu quddiem din ix-xbieha u kull nhar ta’ Ġimgħa fl-10am issir quddiesa għal pellegrini. Tkun ħaġa sabiħa li nħallu din il-ġurnata sabiex flimkien nagħmlu din il-mixja ma’ Ġesù Redentur u nitolbu għall-paċi, għall-familji u għall-vokazzjonijiet.
//= $special ?>