Internazzjonali

Papua New Guinea: Il-vittmi tal-valangi jiżdiedu bil-mijiet fost it-tfittxija ‘impossibbli’ għall-mirdumin

Il-valangi ta’ jiem ilu li laqtu ‘bħal bomba’ lil diversi villaġġi f’Papua New Guinea x’aktarx li ħallew ‘il fuq sew minn 2,000 persuna mirdumin taħt il-fdalijiet tar-residenzi u strutturi oħrajn li ċedew direttament għal fuqhom….

Din l-aħħar ċifra, ipprovduta mid-direttiri taċ-Ċentru Nazzjonali għall-Moniteraġġ tad-Diżastri fuq din l-iskala, hi bil-wisq ogħla miċ-ċifra ta’ 700 mejtin u mitlufin b’kaġun tal-valangi li n-Nazzjonijiet Uniti kienet issuġġeriet fi tmiem il-ġimgħa.

Mifhum li l-mijiet tan-nies intradmu ħajjin waqt il-valangi, bl-awtoritajiet lokali jiżvelaw li ‘ma jafux min miet peress li r-rekords u l-istatistika wkoll intradmu taħt il-munzelli enormi tal-art u t-tajn’.

Jistgħu anki jgħaddu l-jiem sakemm iċ-ċifra eżatta tal-mejtin tkun ippubblikata mill-mezzi uffiċjali.

Għalissa, l-iskwadri għall-emerġenzi qed isibuha diffiċli ħafna biex jirkupraw lil xi ħajjin, flimkien mal-katavri minn taħt il-munzelli tat-tifrik u l-art maqlugħa – u fejn huma, f’xi bnadi, qed ikollhom iħaffru sa fond ta’ għaxar metri.

Qegħdin jonqsu wkoll it-tamiet li jinstabu l-ħajjin fost ir-residenti qalb il-muntanji fil-provinċja ta’ Enga – u wara li l-inħawi ntlaqtu direttament mill-valangi ta’ tmiem il-ġimgħa.