“L-inkjesta mhux provi, hija ġabra ta’ fatti – fiduċja sħiħa f’Scicluna u Fearne”
Il-Prim Minsitru Robert Abela għadu qed jinsisti bl-attakk tiegħu fil-konfront tal-Maġistrat Gabriella Vella u l-Inkjesta tal-Vitals.
Dan hekk kif it-Tnejn filgħodu, l-għada li l-gazzetta MaltaToday ippubblikat l-inkjesta fl-intier tagħha, Net News staqsa lill-Mexxej tal-Labour għalfejn, wara dan kollu, qed jibqa’ jiddefendi lill-predeċessur tiegħu Joseph Muscat.
Milqugħ miċ-ċapċip ta’ wħud mill-partitarji, Robert Abela għażel li jibqa’ jattakka t-timeline tal-inkjesta u sostna li mhux se joqgħod fuq spekulazzjonijiet.
Dan filwaqt li Abela kkonferma li Armin Ernst kien infurmah, lura fl-2021, bin-nuqqasijiet kbar tal-Vitals.
Mistoqsi jekk, wara li l-inkjesta ġiet ippubblikata għadx għandu fiduċja fid-Deputat Mexxej tal-Labour Chris Fearne u l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna – Robert Abela baqa’ jiddefendihom.
Dan minkejja li fl-inkjesta jingħad li Chris Fearne, għalkemm b’mod limitat, kien involut fit-trasferiment bejn Vitals u Steward, filwaqt li kemm Fearne kif ukoll Scicluna allegatament għalqu għajnejhom minkejja li kienu konxji li ċertu taħditiet kienu qed isiru minn wara daharhom mill-kitchen cabinet ta’ Joseph Muscat.
Intant, mistoqsi minn Net News sabiex jappella għal kalma u għal darb’oħra jgħid lill-partitarji tiegħu biex it-Tlieta filgħodu ma jersqux quddiem il-Qorti – il-Prim Ministru Robert Abela ħarab għalkollox milli jwassal messaġġ ċar u dirett.
