Lokali

Robert Abela jibqa’ jattakka lill-Inkjesta Vitals u lill-Maġistrat Gabriella Vella

Waqt li ta’ Muscat iħeġġu lil-Laburisti jinżlu l-Belt, Abela jgħid li l-poplu fehem il-messaġġ tiegħu

Il-Mexxej Laburista Robert Abela ssokta bl-attakki sfrenati fil-konfront tal-Inkjesta Vitals, partikolarment il-Maġistrat li ppreseditha, Gabriella Vella.

Taħt it-tinda fin-Naxxar, il-Prim Ministru b’mod deskritt bħala wieħed irresponsabbli, issokta jimmina xogħol il-Maġistrat Vella minkejja l-appelli ta’ diversi għaqdiet u korpi kostitwiti – hekk kif insista li ma jemminx fil-kumbinazzjonijiet u b’mod perikoluż xeħet dubji serji fil-professjonalità tal-Maġistrat qalb iċ-ċapċip ta’ dawk preżenti.

Robert Abela kompla jinsisti li l-inkjesta qed tinkwetah – surrealment insista fuq it-timeline u mhux fuq il-kontenut u l-fatti li juru li l-poplu nsteraq il-miljuni ta’ ewro f’ħadma kkundannata diġà, għal darbtejn, mill-Qrati.

Intant, Robert Abela kompla bl-attakki tiegħu fil-konfront tal-Inkjesta Vitals u saħansitra saħaq li vot b’saħħtu fit-8 ta’ Ġunju huwa meħtieġ biex tingħata risposta lil ġustizzja u l-ġudikatura. Filwaqt li stqarr li jixtieq jagħti l-benefiċċju tad-dubju li l-inkjesta ma ngħalqitx apposta, ipprova jirredikolaha xorta waħda.

Dan filwaqt li attakka lill-Partit Nazzjonalista wara li fl-inkjesta, iswed fuq l-abjad, ġie kkonfermat li Robert Abela kien konxju li Vitals akkwistaw il-konċessjoni tal-isptarijiet b’mod frawdolenti minn Steward sa mill-2021.

Finalment huwa sostna li n-nies għandhom jibqgħu kalmi u d-diskussjoni politika għandha ssir fuq il-postijiet tax-xogħol u fis-salotti tad-djar… botta ċara għal min fost l-esponenti Laburisti jniżlu n-nies fit-toroq.

Dan hekk kif kompliet toħroġ il-qasma li hemm fi ħdan il-Partit Laburista hekk kif filwaqt li Jason Micallef u Michelle Muscat qed iħeġġu lil-Laburisti biex jingħaqdu magħhom quddiem il-Qorti għada filgħodu biex jagħtu sostenn lil Joseph Muscat biss – Robert Abela insista li l-poplu qed jifhem il-messaġġ tiegħu, ċioè biex ma jmurx il-Belt.