Il-Gvern ta’ Robert Abela ma jistax jibqa’ jaħrab mir-realtà; ma jistax jibqa’ jinjora kif insterqu l-miljuni ta’ ewro, u ma jistax jibqa’ jiddefendi lil Joseph Muscat.
Kienet din id-dikjarazzjoni ċara li għamel il-ġurnalist veteran Saviour Balzan, hekk kif saħaq li huwa ferm inkwetanti l-fatt li Joseph Muscat spiċċa jiġi intervistat fuq is-Super One – għax Abela kellu jbaxxi rasu.
Inkwetanti wkoll li Joseph Muscat qed ikun mistieden mill-kandidati Laburisti għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u kif Manuel Cuschieri qed jitħalla jinfluwenza lin-nies favur raġel li żbalja bi kbir.
Saviour Balzan innota wkoll kif l-Inkjesta Maġisterjali li ġiet ippublikata, turi biċ-ċar kif dawk kollha li kienu mal-Labour kellhom għan wieħed biss; u dan kien li jsiru aktar sinjuri minn fuq dahar ħaddieħor. Dan għalhekk jikkonferma l-eżistenza ta’ struttura mafjuża.
Il-pjan ta’ Muscat, kompla jgħid Saviour Balzan, kien li jkompli jistana.
Id-Direttur tal-MaltaToday jinnota kif dawk kollha li mhux qed jagħtu appoġġ lil Muscat qed jiġu mlaqma bħala partitarji mhux lejali jew inkela bħala ingrati. Dan meta fil-verità m’hemm l-ebda raġuni li tiġġustifika dak li għamlu Muscat u sħabu.
Balzan isemmi wkoll kif kull pass li għamel Muscat, fosthom l-iskema tal-passaporti, il-liċenzja għall-bank Pilatus, id-deal tal-Electrogas, l-Università tal-Ġordaniżi, l-investimet tal-Enemalta fil-windfarm tal-Montenegro, u l-privatizzazzjoni ta’ tliet sptarijiet… kienu kollha proġetti maħmuġin. Kollha simbolu tat-tmexxija tal-Gvern Laburista, li Robert Abela għadu jiddefendi sal-lum.
//= $special ?>