Lokali Qorti

Tliet Eks Segretarji Permanenti: “L-Avukat Ġenerali tatna pariri dwar il-ftehim tal-Vitals, u għalhekk jeżisti kunflitt ta’ interess”

Tliet Eks Segretarji Permanenti mill-Ministeri tas-Saħħa u tal-Finanzi ta’ Malta, li bħalissa qed jistennew li jiġu akkużati b’rabta mal-frodi tal-isptarijiet Vitals, enfasizzaw kunflitt ta’ interess potenzjali min-naħa tal-Avukat Ġenerali.

L-avukati li qed jaġixxu f’isem Alfred Camilleri, Joseph Rapa u Ronald Mizzi ppreżentaw protest ġudizzjarju kontra l-AĠ Victoria Buttigieg, it-Tnejn, fejn irrimarkaw li meta Buttigieg kienet qed tokkupa r-rwol preċedenti tagħha, dak ta’ Avukat tal-Istat, hija kienet attendiet għal numru ta’ laqgħat formali dwar l-isptarijiet u kienet ipprovdiet pariri legali u gwida lill-istess Segretarji Permanenti li issa kienet qed takkuża bi frodi.

Buttigeg kienet ġiet inkluża mit-tliet akkużati f’emails, li ċċirkolaw abbozz ta’ pożizzjoni għall-Gvern ta’ Malta dwar is-suġġett tal-konċessjoni, speċifikament għall-attenzjoni u l-pariri tagħha, huma qalu. “Fl-ebda stadju ma kien iddikjarat xi nuqqasijiet min-naħa tagħhom.

Ironikament, id-diskussjonijiet dwar il-konċessjoni u l-abbozz innegozjat ma kinux ġew iffirmati, biss minħabba l-fatt li l-akkużati kienu rrifjutaw, għal diversi raġunijiet. Ma ridux jipproċedu bil-ftehim il-ġdid kif innegozjat!” Camilleri kien, fil-fatt, irrefera numru ta’ talbiet ta’ Steward għal investigazzjoni, jgħid il-protest ġudizzjarju.

Camilleri, Mizzi u Rapa qed joġġezzjonaw għall-kunflitt li jirriżulta mill-fatt li d-deċiżjoni li jitressqu l-Qorti kienet ittieħdet fir-rigward tal-istess azzjonijiet li huma kienu wettqu fuq parir ta’ Buttigeg. Huma nnutaw li mkien ma ssemma’ dan il-fatt fil-konklużjonijiet tal-Inkjesta Maġisterjali li kienet ġiet ippubblikata lbieraħ. Lanqas ma semmiet il-fatt li kien grazzi għalihom li l-ftehim innegozjat ma kienx iffirmat.

Il-protest ġudizzjarju ħeġġeġ lill-AĠ biex terġa’ tikkunsidra d-deċiżjoni tagħha li tressaqhom fuq akkużi kriminali, jew tinżamm responsabbli għad-danni u l-ispejjeż li se jkunu qed iġarrbu b’riżultat ta’ dan.

L-avukati Stefano Filletti, Michael Sciriha, Franco Debono u Maurice Meli ffirmaw il-protest ġudizzjarju.