Ikomplu joħorġu iktar dettalji dwar id-deal frawdolenti ta’ Vitals. Din id-darba li ċ-Chief of Staff ta’ Muscat, Keith Schembri kien juża’ email u isem falz sabiex jiddiskuti materji sensittivi b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet.
Investigaturi sabu kif Keith Schembri kien juża’ l-isem fittizju Frank Pillow. Dan apparti li sar magħruf li Schembri u persuni oħra mdaħħla f’dan id-deal kienu ta’ spiss ibiddlu l-email li jikkomunikaw bih. Bla dubju mossa biex jipprovaw ma jinqabdux dwar dak li kienu qed jagħmlu.
F’punt minnhom, Schembri u Konrad Mizzi, li dak iż-żmien kien il-Ministru tas-Saħħa, użaw l-email privat tagħhom biex jikkomunikaw mad-Direttur ta’ Vitals, Ram Tumuluri. Din il-komunikazzjoni saret biss ftit ġranet qabel ġie ffirmat formalment il-kuntratt tat-tliet sptarijiet.
Fl-email ta’ Frank Pillow instabu konverżazzjonijiet ma’ Tumuluri sabiex jiġu ffinanzjati mal-€200 miljun għat-tmexxija tal-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u t’Għawdex.
Dawn l-emails żvelaw ukoll kif Schembri u Mizzi kienu jafu b’din il-ħadma li għaliha l-poplu Malti u Għawdxi ħallas il-miljuni ta’ ewro, iżda naqqsu milli javżaw f’dak li kien qed jinħema.
//= $special ?>