Sport Sport Ieħor

Aidan Buttigieg u Jessica Pratt jibdew bil-kbir fl-ewwel tiġrija tal-Kampjonat Nazzjonali tat-triq

Aidan Buttigieg ta’ D Sports Lab u Jessica Pratt tat-Team Greens bdew bil-kbir fl-ewwel tiġrija  tal-Kampjonat Nazzjonali tar-Road. Iż-żewġ kampjonat organizzati mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, din is-sena qed jerġgħu jsiru fuq tliet tiġrijiet kull kampjonat.  Aidan Buttigieg fir-ritorn tiegħu mill-Awstralja biex jiddefendi t-titlu li huwa rebaħ l-istaġun l-ieħor, spiċċa ddomina fil-Kategorija Elite, filwaqt li l-istess għamlet Jessica Pratt li rebħet il-Kategorija riservata għan-Nisa’, liema tiġrijiet saru nhar il-Ħadd 19 ta’ Mejju 2024 fi Fluer-de-Lys.

Aidan Buttigieg spiċċa l-ewwel fl-Elite meta temm it-tiġrija tiegħu f’ħin ta’ 1:14:15.18, kważi żewġ minuti vantaġġ fuq Etienne Bonello tat-Team Greens (1:16:12.42). Fit-tielet post spiċċa Pierre Borg ta’ Mosta CC (1:16:12.69). It-tiġrija tan-Nisa rriżultat f’waħda dominata minn ċiklisti tat-Team Greens, b’Jessica Pratt fid-debutt tagħha fil-Kampjonat Nazzjonali tispiċċa l-ewwel f’ħin ta’ 49:35.28, vantaġġ impressjonati ta’ 4 minuti u 38 sekonda fuq seħbitha Diana Muscat (54:14.12). Michelle Vella Wood ukoll tat-Team Greens spiċċat it-tielet (1:00:16.70).

Jacob Schembri ta’ Mosta CC rebaħ il-Kategorija Under 23 f’ħin ta’ 1:16:12.42. Fit-tieni post spiċċa sieħbu Clyve Chetcuti (1:16:14.31).

Il-Kategorija Masters 40+ ħareġ rebbieħ David Cushing ta’ B’kara St Joseph f’ħin ta’ 46:49.22. Warajh daħlu rispettivament Mark Zammit ta’ Mosta CC (46:50.85) u Carl Saydon tat-Team Greens (50:17.62). Stephen Grima ta’ D Sports Lab minn naħa tiegħu rebaħ il-Kategorija Masters 50+ f’ħin ta’ 50:17.63. Hu kien segwit minn Kevin Muscat ta’ Mosta CC (50:18.50) u Joseph Caruana tat-Team Greens (57:24.34). 

Ryan Gatt ta’ The Cyclist-Agones rebaħ il-Kategorija tal-Under 16 Maskili f’ħin ta’ 33:07.30. Zia Fuji ta’ Shamrock Stars rebħet il-Kategorija tal-Under 14 tat-Tfajliet meta għamlet iż-żewġ dawriet tagħha f’ħin ta’ 19:07.61. Jake Refalo ta’ Shamrock Stars rebaħ il-Kategorija tal-Under 14 Boys f’ħin ta’ 17:57.65, filwaqt li Ethan Cumbo ta’ Mosta CC rebah il-Kategorija tal-Under 12 Boys f’ħin ta’ 09:05.57.