Mhux inqas minn 14-il artist u artista ħallew il-marka tagħhom fuq bankijiet fi Triq it-Torri, Tas-Sliema, fi proġett kollaborattiv, ‘Bankijiet ta’ Tifkira – Uċuħ ta’ Reżiljenza’, inawgurat illum.
Dan il-proġett ta’ impatt, organizzat mill-Kunsill Reġjonali Lvant, li hu r-Reġjun ta’ Kultura 2024, sar b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema u l-Kummissjoni fuq Vjolenza Abbażi ta’ Ġeneru u Vjolenza Domestika li tifforma parti mis-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u Riformi fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Immexxi mid-Direttur Artistiku tal-Festival tal-Arti ta’ Tas-Sliema, James Micallef Grimaud, din l-inizjattiva artistika għandha l-għan li tonora ħajjet in-nisa li mietu kawża ta’ vjolenza f’Malta u ttrasformat dawn il-bankijiet f’arti vibranti tat-triq.
F’dawn l-aħħar ftit ġimgħat, is-Sur Micallef Grimaud mexxa serje ta’ workshops, kemm ġewwa u barra, li fihom artisti u membri tal-komunità ngħaqdu flimkien biex jippreparaw il-bankijiet u jpinġuhom, u b’hekk ħolqu spazji li jispira riflessjoni u għarfien.
“Din l-inizjattiva hi parti sinifikanti mill-kalendarju kulturali tagħna għal 2024,” qal Anthony Chircop, President tal-Kunsill Reġjonali Lvant. “Hi riflessjoni tal-impenn tagħna biex nużaw l-arti bħala mezz ta’ bidla soċjali u l-involviment tal-komunità.”
//= $special ?>