Lokali

“Bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti” – PN

Dalgħodu l-Partit Laburista organizza attività dwar mudell sostenibbli f’Għawdex. Sfortunatament dak li l-Partit Laburista jgħid bil-kliem ma jippratikahx bil-fatti, u dan rajnih bin-nuqqas ta’ sostenibbiltà f’Għawdex fl-aħħar 11-il sena.

Għall-kuntrarju, il-Partit Nazzjonalsita hu kommess li jassigura u li jagħti prijorità lil Għawdex. Li jkun hemm pjan li jistabbilixxi b’mod seperat il-prijoritajiet ta’ Għawdex u li dawn ikunu identifikati mill-Għawdxin stess.

Il-Partit Nazzjonalista jassigura li l-fondi għal Għawdex jiżdiedu u jkunu ta’ għajnuna biex jinħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità f’Għawdex, filwaqt li jittieħdu inizjattivi li joffru ħajja aħjar f’Għawdex, fosthom fl-oqsma socjali, edukattivi u anke ambjentali.

Il-Partit Nazzjonalista, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll permezz tal-Kunsillieri Lokali tiegħu, se jibqa’ jaħdem ukoll biex Għawdex iżomm il-karatteristiċi uniċi tiegħu, filwaqt li jibqa’ impenjat biex kull lokalità f’Għawdex iżżomm il-karattru ħaj tagħha.