Il-Qorti temmen li jeżistu raġunijiet raġonevoli biżżejjed biex l-assi tal-akkużati kollha jibqgħu ffriżati bl-ammonti li tat l-Avukat Ġenerali u li rriżultaw mill-Inkjesta.
20.33 Il-Qorti iddeferixxiet il-kawża għat-13 ta’ Ġunju fil-11am, b’aktar provi jkomplu jinstemgħu fis-seduta ta’ wara skedata 19 ta’ Ġunju fil-11am. Wieħed mir-rappreżentanti ta’ MTrace Limited se jkun imsiefer f’Ġunju “fuq xogħol uffiċjali”, iżda fid-dawl li hemm rappreżentant ieħor, dan mhux se jwaqqaf il-każ milli jkompli.
20.30 Il-Qorti tilqa’ t-talba biex l-akkużati jingħataw aċċess għall-atti tal-inkjesta.
20.27 Il-Qorti ma tilqax it-talba tal-Prosekuzzjoni li ma jitkellmux pubblikament fuq il-każ, iżda se jiġu pprojbiti milli jagħmlu stqarrijiet li b’xi mod jew ieħor jistgħu jippreġudikaw il-każ. Apparti dan, filwaqt li l-Qorti mhix se twaqqaf lill-akkużati milli jsiefru fuq talba lill-Qorti li jagħmlu dan, hi ssostni li hemm bżonn li kull akkużat jattendi għal kull seduta. Biex dan kollu jiġi żgurat, kull akkużat se jkun marbut b’garanzija personali ta’ €25,000.
20.23 Il-Qorti tipprojbixxi lill-partijiet li jgħaddu xi evidenza lil xi terżi. Hi tisħaq li l-proċess kriminali għandu jsir biss fil-Qorti u terġa’ twissi li l-akkużi miġjuba kontra l-persuni huma serji. Twissi wkoll li dan jista’ jippreġudika l-każ. L-imputati u l-avukati tagħhom qegħdin jiġu projbiti wkoll li jagħmlu pubblikazzjonijiet li jippreġudikaw il-kawża.
20.22 Il-Maġistrat Rachel Montebello mill-ġdid tidħol f’Awla 22. Is-seduta tkompli.
19.32 Il-Qorti mill-ġdid se tissospendi s-seduta għal ftit ħin, sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar it-talbiet tal-Prosekuzzjoni.
19.27 Minn naħa tiegħu, l-uffiċjal prosekutur Francesco Refalo ddikjara li x-xogħol li qed isir mill-avukati li qed jirrappreżentaw l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, qed isir bla biża’, bla favuri u mingħajr indħil, iżda sabiex issir ġustizzja.
19.23 L-avukati Chris Cilia u Stephen Tonna Lowell insistew li t-talbiet tal-prosekuzzjoni ma japplikawx għall-klijenti tagħhom peress li huma qed jirrappreżentaw kumpaniji.
19.13 L-avukat Jason Grima jgħid li l-akkużati kollha kkoperaw mal-Pulizija u li fl-erba’ snin u nofs li saret l-inkjesta, ma jħossx li huwa ġust li Spiteri jitwaqqaf milli jitkellem wara tant snin. “Ma nifhimx kif xi kitba ta’ Spiteri fuq Facebook tista’ tiswa lill-pajjiż,” jirrimarka Grima.
19.05 L-avukat Stefano Filletti jisħaq li l-Avukat Ġenerali għamlet talba “oxxena u vessatorja” ma’ Adrian Hillman għaliex taf li hu qed jgħix fir-Renju Unit. Hu jgħid li Hillman ġie minn jeddu Malta u bit-talba tal-Prosekuzzjoni, se jkun restritt milli jsiefer lura daru fir-Renju Unit.
19.03 L-avukat Franco Debono jgħid li l-NGO Repubblika għandha dritt tagħmel ir-rikorsi tagħha u jirrispettaha. Iżda qal li qed “jistagħġeb” għaliex l-Avukat Ġenerali ma oġġezzjonatx li Repubblika tiddaħħal bħala parte civile fil-każ. “Ħa jkollna min jista’ jitkellem u min ma jistax jitkellem?” jistaqsi Debono li jiddikjara li qed joġġezzjona għal din it-talba.
19:00 L-avukat Edward Gatt jgħid li kemm ilu jipprattika ta’ Avukat, qatt ma saret talba bħal din mill-Avukat Ġenerali, filwaqt li qal li “anke meta jitbissem Konrad Mizzi jkun hemm min jogħġbu jikkummenta.” Gatt jgħid li l-membri tal-ġurija tal-futur se jkunu qed jisimgħu biss qanpiena waħda mill-midja u l-akkużati stess mhux se jitħallew jitkellmu.
18.59 Minn naħa tagħha, l-avukat Veronique Dalli tallega li l-kumpanija Taomac Limited li qed tirrappreżenta l-istess Dalli, avviċinat lill-Prosekuzzjoni għax saret taf bl-akkużi kontriha meta dawn bdew jiċċirkolaw fuq WhatsApp.
18.53 L-avukat Gianella de Marco insistiet li l-akkużati qed jitressqu l-Qorti b’ċitazzjoni u għaldaqstant, il-Prosekuzzjoni ma tistax tagħmel talba fil-Qorti li timponi lill-akkużati milli jissiefru. L-avukat Giannella de Marco tisħaq li l-klijenti tagħha qatt ma għamlu posts fuq Facebook u tħoss li talba bħal din hija inġusta.
18.48 L-avukat Vince Galea qara minn kitba li għamel l-avukat Jason Azzopardi li fiha allega li Muscat ħa jsiefer lejn Istanbul aktar tard illum. “Meta nagħmlu rikors aħna, insibu l-oppożizzjoni tad-dinja. Meta Repubblika tgħid jump, they jump!”, Galea jakkuża lill-Prosekuzzjoni.
Wara pressjoni mill-Maġistrat biex jikkonferma jekk hux minnu li Joseph Muscat se jsiefer minn hawn u nofsija oħra, l-Avukat Vince Galea ddikjara li llum Joseph Muscat mhux se jssiefer.
18.42 Għal dawn il-kummenti li għadda l-uffiċjal prosekutur, l-avukat difensur Vince Galea irribatta billi qal li l-ebda wieħed mill-akkużati ma attakka lill-prosekuzzjoni. Galea akkuża lill-avukat tal-AĠ li qed jipprova jagħmel “sarima” ma’ ħalq l-akkużati u staqsa x’kumplikazzjonijiet jistgħu joħolqu l-istqarrijiet tal-akkużati.
18.35 Il-Prosekuzzjoni qiegħda titlob li l-Qorti abbażi ta’ Artiklu 412A ta’ CAP 16 tal-liġijiet ta’ Malta, jekk xi ħadd mill-akkużati jrid isiefer għandu jagħmel talba lill-Qorti. Dan filwaqt li qed titlob lill-akkużati sabiex ma jitkellmux fuq il-mezzi soċjali u dan fid-dawl tal-fatt li fost l-akużati hemm min qed jitfa’ filmati fuq il-midja soċjali “bħallikieku qisu xi film ta’ Netflix” – “Fid-dawl tal-istqarrijiet pubbliċi u akkużi li saru dwar din il-kawża, forsi tajbin biss għal Netflix, hemm bżonn li l-akkużati ma jikkummentawx pubblikament sakemm tinqata’ l-kawża”, jgħid l-avukat Refalo li jiddeskrivi dawn l-istqarrijiet bħala dawk “Trumpesque”.
18.26 L-avukat Veronique Dalli staqsiet dwar il-kumpanija Taomac Limited u jekk din issemmietx miegħu jew intużat bħala keyword. Scerri irrisponda li ma jaf xejn dwar Taomac Limited u qatt ma sema’ biha. L-avukat Marion Camilleri staqsiet lil Scerri jekk semax dwar Sciacca Grill, iżda hu jirrispondi fin-negattiv.
18.22 Galea kompla jistaqsi fuq il-preżenza tal-esperti barranin fid-dar ta’ Muscat. Scerri jgħid li Muscat intwera l-mandat ta’ tfittxija u l-esperti daħlu magħhom. Spettur ġie assenjat lil Michelle Muscat u lil uliedhom, filwaqt li Scerri ġie assenjat lill-Eks Prim Ministru Muscat. Is-Supretendent James Grech kien Burmarrad, qabel saret it-tfittxija fl-uffiċċju f’Sa Maison.
18.19 L-avukat difensur Galea staqsa lix-xhud sabiex jindikalu l-ismijiet tal-esperti barranin involuti fit-tfittxija tad-dar ta’ Muscat. Ix-xhud jgħid li ma jiftakarx l-ismijiet, iżda l-ismijiet indikati fl-inkjesta, hekk kif għal darb’oħra spjega kif ġew sekwestrati dokumenti u apparat elettroniku.
18.15 L-Avukat Stephen Tonna Lowell staqsa lix-xhud jekk l-esperti kinux ipparteċipaw fit-tfittxijiet, bix-xhud wieġeb fil-pożittiv. “Kieku ngħataw mandat ta’ tfittxija biex jagħmlu dan mill-Maġistrat?” Scerri wieġeb li hu kien qed jaġixxi permeżż tal-imsemmi mandat, iżda ma setax jitkellem għall-esperti maħtura mill-maġistrat.
L-Avukat Chris Cilia jistaqsi dwar it-tfittxija fil-Malta Enterprise.
18.14 Filwaqt li l-avukat Edward Gatt li qed jidher għall-akkużati Konrad Mizzi u Keith Schembri, staqsa dwar ir-relazzjoni ta’ bejn l-espert Irlandiz Samuel Sittlington u x-xhud, u jekk l-espert infurmahx li kien Supretendent fil-Korp Ingliż tal-Pulizija, ix-xhud jgħid li ma jiftakarx.
“Qabel ma saret l-inkjesta, iltqajt ma’ Sittlington fl-uffiċċju tal-AG?” staqsa Gatt, iżda l-Qorti interrompietu u staqsiet lill-avukat kif din id-domanda hi relevanti għal dan il-każ. “Qed tfittex xi tip ta’ sodisfazzjon personali?” staqsiet il-Maġistrat lill-avukat Gatt. B’Gatt spiċċa jbiddel id-domanda u staqsa jekk Scerri kienx jaf li Sittlington għamel xi xogħol mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Scerri jgħid li kien jaf biss li kien involut f’inkjesti oħra.
18.10 Għad-domandi tal-avukat Vince Galea, Scerri kkjarifika li, filwaqt li kien jiffirma l-mandati biex jiġu mfittxija djar jew uffiċini, mhux dejjem kien ikun preżenti. Hu spjega li ftit jiem biss qabel ma saret it-tfittxija fid-dar ta’ Muscat, ġie infurmat biha u avża lis-superjuri tiegħu James Grech u Alexandra Mamo. Kull informazzjoni kienet titpoġġa f’file tal-Excel u Scerri jgħid li xi spetturi kellhom aċċess għal dan il-fajl. Hu jispjega li t-tfittxija kellha ssir qabel iżda seħħet leak fil-midja u minflok saret fit-18 ta’ Jannar 2022, saret fid-19.
Scerri jikkonferma li din il-leak ġiet investigata.
18.01 Għad-domandi tal-avukat difensur Vince Galea, ix-xhud kompla billi qal li kull dokument li kien jittratta l-ftehim tal-isptarijiet mar għand il-maġistrat inkwirenti. Galea staqsa għaliex dan kien il-każ, bix-xhud jikkonferma li qatt ma kien mgħarraf bir-raġuni.
17.57 L-avukat difensur Vince Galea li qed jidher għal Joseph Muscat, staqsa lix-xhud jekk meta saret it-tfittxija fl-uffiċċju ta’ Christoper Spiteri u ġew sekwestrati xi dokumenti, deherx isem Joseph Muscat. Scerri irrisponda fin-negattiv hekk kif qal li ma kienx ra isem Muscat, iżda ma jeskludix li l-persuni l-oħra li wettqu t-tfittxija lemħu ismu.
17.49 L-avukat difensur Shazoo Ghaznavi li qed jidher għall-akużat Conger-Thompson, staqsa lil Scerri x’kien iseħħ meta ssir tfittxija mal-esperti barranin. Scerri wieġeb billi qal li l-Pulizija kienu javviċinaw lis-suspettat u jagħtuh il-mandat ta’ tfittxija. Dan filwaqt li l-esperti jindikaw x’oġġetti jridu jiġu sekwestrati. Il-Maġistrat Inkwirrenti tinforma lill-esperti x’għandu jiġi sekwestrat u l-esperti jaħdmu mal-Pulizija biex iwettqu dan.
17.47 Fil-Kontroeżami, l-avukat Edward Gatt staqsa lil Scerri jekk l-esperti barranin kinux jgħixu f’Malta jew isiefru lejn il-pajjiż. Scerri jammetti li ma jafx. Mistoqsi ma’ kemm il-espert kienet taħdem il-Maġistrat Inkwirenti, Scerri jgħid li kien hemm għażla differenti ta’ esperti barranin. Rigward il-“keywords” li kienu jintużaw meta jiġu sekwestrati l-oġġetti relevanti, Scerri jiċħad li waħda mill-keywords kienet ‘Joseph Muscat’ u jistqarr li dawn kienu jintgħażlu mill-esperti stess.
17.45 Mistoqsi mill-avukat difensur Jason Grima jekk Christopher Spiteri ngħatax id-dritt għal avukat meta ġie investigat, Scerri jgħid li l-Maġistrat Inkwirenti kienet tagħti dan d-dritt. Scerri jfakkar li l-interrogazzjonijiet jiġu rrekordjati.
17.39 Ix-xhud għadda lill-Qorti lista tat-tfittxjiet li saru fl-aħħar snin tal-persuni akkużati f’dan il-każ. Scerri kien involut ukoll fi tfittxija fl-uffiċċji ta’ Malta Enterprise.
17.32 Scerri qal li dak iż-żmien, meta Abdilla għadda l-file tal-inkjesta lil Stivala, il-Pulizija kienet fetħet file dwar l-investigazzjoni iżda din ma kinitx waħda attiva. Scerri żied jgħid li ma kienx hemm investigazzjoni oħra għaddejja waqt li din ma kinitx attiva. Hu ma jiftakarx eżatt min ta din l-istruzzjoni. Scerri kien akkumpanja lil Stivala waqt tfittxija fl-uffiċċji ta’ Nexia BT. Huwa kien għen ukoll fi tfittxija fid-dar tal-familja ta’ Pierre Sladden fix-Xgħajra, fejn ġie sekwestrat numru ta’ apparat. Il-Pulizija li fittxew id-dar ta’ Sladden, xehdu fl-inkjesta.
17.20 Jitla’ jixhed Anthony Scerri, Eks Spettur fil-Korp tal-Pulizija li kien stazzjonat fl-iskwadra tal-Omiċidji minn Ottubru tal-2020 sal-31 ta’ Awwissu 2022.
17.13 Ix-xhud jikkonferma d-domanda tal-Prosekuzzjoni li l-dokumenti sekwestrati kienu qed jitpoġġew fl-atti tal-inkjesta mill-aktar fis possibbli. L-apparat sekwestrat kien mgħoddi għand l-esperti tal-Qorti. De Marco staqsiet dwar Meli u Gatt, li qed jiġu akkużati bħala rappreżentanti tal-kumpanija Technoline u Eurybytes Limited. De Marco staqsiet jekk Stivala kienx ikkonferma mal-MBR jekk l-imsemmija akkużati kellhomx dawk ir-rwoli. Ix-xhud qal li ma kienx hemm investigazzjonijiet tal-Pulizija għaddejjin b’mod parallel mal-inkjesta maġisterjali.
17.10 Is-Supretendent Stivala qal li meta kien qed jaħdem fid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet ta’ Reati Finanzjarji (FCID), il-każ għadda għandu mingħand id-Deputat Kummissarju Ian Abdilla. Kollox beda f’Ottubru tal-2020, fejn bdiet tfittxija mill-Pulizija fl-uffiċċji tal-kumpanijI Technoline, Nexia BT, kif ukoll fir-residenża ta’ Ivan Vassallo, Mario Victor Gatt, u David Joseph Meli. Waqt it-tfittxija, ġew elevati diversi tagħmir. L-apparat elettroniku tagħhom ġie sekwestrat mill-esperti Keith Cutajar u Martin Bajada.
17.10 Jitla’ jixhed is-Supretendent Rennie Stivala.
17.08 Joseph Caruana qal li l-Kummissarju għat-taxxi kien għamel talba lill-Pulizija biex jinbdew investigazzjonijiet dwar Christopher Spiteri fuq reati relatati mat-taxxa. Caruana esibixxa kopja tal-ittra. L-Avukat Jason Grima staqsa lix-xhud fuq liema bażi ntbagħtet l-ittra. “Il-Kummissarju tat-Taxxa jrid jagħti prova ċara lill-Pulizija biex tinvestiga u takkuża lill-persuna identifikata għal reati relatati mat-taxxa,” wieġeb ix-xhud. Il-Kummissarju tat-Taxxa ikkonferma li ma kienx bagħat għal Spiteri.
17.07 Joseph Caruana, rappreżentant tal-Kummissarju tat-Taxxa, jitla’ jixhed fuq il-pedina tax-xhieda.
16.56 Il-Qorti temmen li jeżistu raġunijiet raġonevoli biżżejjed biex l-assi tal-akkużati kollha jibqgħu ffriżati bl-ammonti li tat l-Avukat Ġenerali u li rriżultaw mill-Inkjesta, u għaldaqstant laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni u ordnat il-ħruġ ta’ ordni ta’ qbid u ffriżar fil-konfront tal-akkużati u l-kumpaniji rispettivi, skont l-ammonti mniżża fid-digriet tal-Qorti. L-ammonti huma kif ġej:
Joseph Muscat: €30 miljun
Konrad Mizzi: €30 miljun
Keith Schembri: €30 miljun
Christopher Spiteri: €30 miljun
Jonathan Vella: €30 miljun
Adrian Hillman: €30 miljun
Pierre Sladden: €30 miljun
David-Joseph Meli: €32 miljun
Brian Tonna: €20 miljun
Karl Cini: €20 miljun
Ivan Vassallo: €11-il miljun
Mario Victor Gatt: €7 miljun
Brian Bondin: €12-il miljun
Clarence John Conger Thompson: €1 miljun
Gateway Solutions Ltd: €5 miljun
Technoline: €5 miljun
Eurybates Ltd: €2 miljun
MTrace plc.: €12-il miljun
Nexia BT Ltd €12-il miljun
Sciacca Grill: €20 miljun
Kasco Engineering Company Ltd: €20 miljun
FSV Ltd: €20 miljun
Taomac Ltd: €62,500.
16.49 L-avukat difensur Charles Mercieca insista li l-Qorti għandha tagħmel distinzjoni bejn kumpanija jew persuna akkużata.
16.44 Wara li semgħet it-talbiet u s-sottomissjonijiet tad-difiża u tal-prosekuzzjoni, il-Qorti qiegħda tiċħad it-talba biex tintalab spjegazzjoni dwar il-ħruġ tal-ordni tal-iffriżar. Il-Maġistrat Montebello qalet li l-Qorti m’għandhiex tibbaża ruħha fuq xi prova jew l-ammissibbiltà dwar ir-rikavat minn reat għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ffriżar,” tispjega l-Maġistrat.
16.40 Filwaqt li l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talbiet tad-difiża, sostniet li għandha tistrieħ fuq id-digriet tal-Qorti u li kull ammont ta’ flus li għandhom jiġu ffriżati huwa bbażat fuq provi.
16.31 Minn naħa tiegħu, l-avukat difensur Franco Debono għal darb’oħra talab lill-Qorti sabiex il-prosekuzzjoni tipprovdi indikazzjonijiet abbażi ta’ xiex ġew stabbiliti ċ-ċifri tal-ordni ta’ qbid u ffrizar fil-konfront tal-kumpanija Sciacca Grill limited. L-avukat Gianella de Marco li qed tirrapreżenta Technoline Limited, Eurybates Limited, David Joseph Meli, u Mario Victor Gatt terġa titlob biex terġa’ tiġi kkunsidrata t-talba dwar l-ordnijiet ta’ ffriżar.
16.20 L-avukat difensur Stefano Filletti jisħaq ukoll li l-evidenza kontra Christopher Spiteri hija inammissibbli u tefa’ dubju dwar kif il-kaxex mimlijin evidenza waslu mingħand il-Maġistrat Inkwirenti għall-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għaldaqstant Filetti jinsisti li ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni biex tinħareġ ordni ta’ ffriżar għal Hillman.
16.16 L-avukat difensur Stefano Filetti insista li “l-Istat falla b’rispett lejn Adrian Hillman meta ħa deċiżjoni fuqu mingħajr ma jinstema.”
16.10 Il-Maġistrat Rachel Montebello ddikjarat li l-liġi trid biss raġuni valida għal ordni ta’ ffriżar. Filwaqt li m’hemmx bżonn li tiġi ppreżentata evidenza wara l-ordni, il-Qorti għandha bżonn raġuni valida xorta waħda. Il-Maġistrat tisħaq li, għalissa, mhix se tevalwa l-provi għaliex tkun qed tiddetermina l-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna. Għaldaqstant, il-Maġistrat Rachel Montebello ċaħdet it-talbiet tad-difiża. tiċħad it-talbiet tad-Difiża biex jixhed Supretendent u Spettur, kif ukoll biex il-Prosekuzzjoni tissostanzja r-raġuni wara l-ħruġ tal-ordni ta’ ffriżar.
16.00 Il-Maġistrat Rachel Montebello terġa’ tidħol fl-awla 22. Is-seduta tkompli.
14.51 Il-Qorti ssospendiet s-seduta sakemm tiddeċiedi dwar it-talbiet rispettivi.
14.47 L-avukat Stefano Filletti għamel talba oħra biex ix-xhieda li mistennija jixhdu fis-seduta tal-lum jinżammu lil hinn mill-avukati tal-AĠ. Il-Prosekuzzjoni toġġezzjona għal din it-talba.
14.35 ‘F’ġieħ il-bambin, uħud mill-akkużati għandhom in-negozju tagħhom. Ordni ta’ friżar ta’ 20 miljun ewro m’hix ċajta, u għalhekk l-ordni għandha tiġi ssostanżjata b’aktar provi konkreti, għax hija wisq vaga,” żied jgħid l-avukat difensur Franco Debono. L-avukat Jason Grima kompla mal-avukat Franco Debono billi qal li l-uffiċjal Prosekutur qed iħawwad u m’hemmx evidenza biżejjed għal l-ordni ta’ qbid u ffriżar.
14.30 L-avukat Stephen Tonna Lowell jallega li l-avukat tal-AĠ Francesco Refalo qed jipprova “jbellagħha lill-Qorti” għaliex qed “iħawwad” l-ammont ta’ flus li għandhom jiġu ffriżati u l-ammont ta’ rikavat. Tonna Lowell jgħid li m’hemmx provi ta’ rikavat għall-klijent tiegħu.
14.28 L-avukat Stefano Filletti jisħaq li s-Supretendent Hubert Cini u l-Ispettur Wayne Borg għandhom jixhdu qabel ma l-Qorti tiddeċiedi dwar l-ordni ta’ ffriżar. Min-naħa tiegħu, l-avukat Edward Gatt ilmenta li “kulħadd tkisser fuq dawn il-bankijiet” u li r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta ma jgħoddux bħala prova.
14.14 Meta l-Maġistrat Rachel Montebello staqsiet lill-Prosekuzzjoni sabiex jesebixxi aktar provi dwar il-ħruġ ta’ ordni ta’ qbid u frizar, l-Ufiċċjal Prosekutur qal li l-provi jinsabu fil-kaxxi esebiti, li b’kollox jammontaw għal tmienja u sebgħin kaxxa. L-uffiċjal Prosekutur żied jgħid li minn paġna 1109 l-quddiem hemm ir-raġunijiet kollha ta’ kif waslu għaċ-ċifri stabbiliti.
14.10 Ix-xhieda ta’ Franklin Calleja fil-Qorti tiġi interrota mill-għajjat tal-folla li għadha preżenti barra l-Qorti, u tinstema’ tgħid ‘Viva l-Labour’.
14.08 Fuq il-pedina tax-xhieda tela’ Franklin Calleja, ir-reġistratur tal-Qorti. Hu ippreżenta l-proċess verbal tal-inkjesta li nfetħet fuq talba tal-NGO Repubblika. Meta mistoqsi dwar il-kontenut tal-inkjesta maġisterjali, Calleja qal li ma jistax jitkellem fuq il-kontenut tal-kaxex għaliex ma rax x’fihom.
14.01 Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello se tisma’ l-provi u x-xhieda li l-prosekuzzjoni biħsieba tressaq, imbagħad se tkun qed tiddeċiedi dwar din il-materja la darba tisma’ l-provi u x-xhieda mill-Prosekuzzjoni dwar l-ordnijiet ta’ qbid u ffriżar ta’ assi.
14.00 L-avukat Franco Debono jgħid li l-liġi dwar l-ordni tal-iffriżar hija waħda ġdida u għadha trid tiġi interpretata. Debono jisħaq li l-Avukat Ġenerali trid tispjega kif waslet għal €20 miljun u li l-avukati li qed jirrappreżentawha ħalfu fuq il-ġurament.
13.52 Kommossjoni fil-Qorti, hekk kif l-uffiċjal prosekutur Francesco Refalo sostna li l-ammonti tal-ordnijiet ta’ qbid u ffriżar joħorġu minn dawk l-1,200 paġna tal-inkjesta maġisterjali.
13.51 L-avukat ta’ Joseph Muscat Vince Galea għamel l-istess talba.
13.45 L-avukat Stephen Tonna Lowell jgħid li l-Prosekuzzjoni qed titlob lill-Qorti toħroġ ordni ta’ ffriżar mingħajr ma taf għaliex se toħorġu. Dan filwaqt li l-avukat Gianella Demarco li qegħdha tidher għal David Joseph Meli u Mario Victor insistiet li l-prosekuzzjoni għandha tindika il-provi abbażi li qiegħdin jinħarġu dawn l-ordnijiet ta’ qbid u iffriżar.
13.39 L-avukati Arthur Azzopardi u Jason Grima jagħmlu talba simili.
13.36 L-avukat Stefano Filletti jgħid li l-Avukat Ġenerali jrid jissostanzja t-talba ta’ ordni ta’ ffriżar “ewro b’ewro”, għaliex l-ammonti ma ħarġux mill-inkjesta maġisterjali. Filletti jgħid li l-Prosekuzzjoni tagħmel referenza għall-kontenut tal-kaxex tal-inkjesta filwaqt li l-avukati tal-akkużati ngħataw biss il-konklużjonijiet tal-inkjesta.
13.24 L-avukati difensur Franco Debono li qed jidher f’isem Sciacca Grill Limited, l-avukat difensur Stefano Filetti li qed jidher għal Adrian Hillman u l-avukat difensur Edward Gatt f’isem l-avukati difensuri talbu lill-Qorti li sabiex l-prosekuzzjoni tippreżenta id-dokumenti neċessarji sabiex wieħed ikun jaf minn fejn l-Avukat Ġenerali waslet għaċ-ċifri tal-ordni ta’ qbid u iffriżar kontra l-akkużati. Il-Prosekuzzjoni oġġezjonat għat-talba tad-difiża. La-vukat Franco Debono jallega wkoll li l-akkużati ma ngħatawx id-drittijiet tagħhom fosthom id-dritt tal-full disclosure u tal-assistenza legali.
13.20 Ir-rappreżentanti tal-kumpaniji Sciacca Grill Limited, Kasco Engineering Limited, FSV Limited, MTrace plc, Technoline Limited, Eurybates Limited Nexia BT wieġbu wkoll mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
13.16 L-akkużati Clarence John Conger-Thompson, Christopher Spiteri, Jonathan Vella, David Joseph Meli, Ivan Vassallo, Mario Victor Gatt, Brian Bondin, Adrian Hillman, Pierre sive Peter Sladden, Brian Tonna, Karl Cini wieġbu wkoll mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
13.08 l-akkużati Konrad Mizzi u Keith Schembri wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
13.07 Għall-akkużi miġjuba kontrih, Joseph Muscat iwieġeb “assolutament mhux ħati”.
12:59 p.m L-avukat Vince Galea talab biex jagħmel il-kontroeżami tal-Uffiċjal Prosekutur Francesco Refalo iżda l-Maġistrat Rachel Montebello tiċħad din it-talba.
12:59 p.m. Il-Maġistrat tgħid li l-ewwel għandu jsir l-eżami tal-akkużati.
12.55 Il-Prosekuzzjoni talbet il-Qorti illi f’każ ta’ ħtija, tordna l-interdizzjoni ġenerali tal-imputati u jroddu lura kull ħaġa li ħadu kontra l-liġi.
12.53 Il-prosekuzjoni talbet ordni ta’ ffriżar f’termini tal-Att dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus (CAP 373) u l-Att dwar Rikavat mill-Kriminalità (CAP 621). L-ammonti huma kif ġej: Joseph Muscat: €30 miljun, Konrad Mizzi: €30 miljun, Keith Schembri: €30 miljun, Christopher Spiteri: €30 miljun, Jonathan Vella: €30 miljun, Adrian Hillman: €30 miljun, Pierre Sladden: €30 miljun, David-Joseph Meli: €32 miljun, Brian Tonna: €20 miljun, Karl Cini: €20 miljun, Ivan Vassallo: €11-il miljun, Mario Victor Gatt: €7 miljun, Brian Bondin: €12-il miljun, Clarence John Conger Thompson: €1 miljun, Gateway Solutions Ltd: €5 miljun, Technoline: €5 miljun, Eurybates Ltd: €2 miljun, MTrace p.l.c.: €12-il miljun, Nexia BT Ltd €12-il miljun
Sciacca Grill: €20 miljun, Kasco Engineering Company Ltd: €20 miljunż, FSV Ltd: €20 miljun, Taomac Ltd: €62,500
12.50 Christopher Spiteri qiegħed jiġi akkużat li għamel dikjarazzjoni falza biex jieħu vantaġġ, kixef sigrieti mhux f’każi li fihom il-liġi tobbligah jgħarraf awtorità pubblika u talli fuq talba tal-Kummissarju tat-Taxxa ma rreġistrax it-taxxa ta’ bosta persuni, li kiser id-dmir professjonali tiegħu bħala awditur u ħalef falz quddiem Maġistrat Vella.
12.41 Clarence Conger-Thompson, Christopher Spiteri, Ivan Vassallo u David Joseph Meli, Mario Victor Gatt qed jiġu akkużati wkoll li fl-istess perjodu talbu jew irċevew rigali jew offerti biex jeżerċitaw influwenza mhux xierqa fuq uffiċjal pubbliku jew jiksbu vantaġġ mhux xieraq.
12.37 Brian Tonna u Karl Cini qed jiġu akkużati wkoll li bħala diretturi jew rappreżentanti tal-kumpanija Nexia BT, assistew lil Joseph Muscat biex jitlob jew jirċievi rigali li ma kellux dritt għalihom, kif ukoll li assistew lilu, lil Mizzi u lil Schembri biex jaċċettaw wegħda ta’ xi vantaġġ mhux xieraq biex jeżerċitaw influwenza fuq uffiċjal pubbliku jew Membru Parlamentari.
12.32 Keith Schembri bħala Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, qed jiġi akkużat ukoll bl-istess akkuża ta’ Joseph Muscat u Konrad Mizzi, iżda bid-differenza li aċċetta dan ir-rigal “b’theddid jew b’abbuż ta’ awtorità” kontra l-liġi.
12.30 Joseph Muscat bħala Prim Ministru ta’ Malta mill-2013 u 2020 u membru tal-kamra tad-deputati qiegħed jiġi akkużat ukoll li talab jew irċieva flus jew rigali li ma kellux jedd jirċievi. Konrad Mizzi, bħala ministru tal-enerġija jinsab ukoll akkużat li talab jew irċieva xi rigal jew wiegħda għal vantaġġ tiegħu u li għalihom ma kellux jedd.
12.25 Sakemm qiegħdin jinqraw l-akkużi, Karl Cini deher ħiereġ barra mill-Awla 22.
12.20 Fost il-kumpanija akkużati b’reati simili, il-kumpanija Sciacca Limited, Nexia BT, Casco Limited, Gateway Solutions Limited, Bluestone Investments Malta, Technoline u Eurybates Limited.
12.14 Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Keith Schembri Clarence John Conger-Thompson, Christopher Spiteri, David-Joseph Meli, Ivan Vassallo, Mario Victor Gatt, Brian Bondin, Adrian Hillman, Peter Sladden Brian Tonna u Karl Cini qed jiġu akkużati wkoll li bejn l-2013 u l-2023 dawru fi profitt għalihom jew għal ħaddieħor permezz ta’ propjetà u li għamlu dan b’qerq lejn il-Gvern, u wettqu qerq permezz ta’ kumpaniji li ma jeżistux, b’detriment għall-Gvern.
12.12 L-avukat mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Franceso Refalo jgħid li l-akkużati bejn 2013 u l-2023 ikkonvertew jew ttrasferixxew proprjetà li nkisbet minn attività kriminali, ħbew jew urew ħaġa b’oħra, akkwistaw jew ippossedew proprjetà li nkisbet minn attività kriminali u aġġixxew bħala kompliċi.
12.00 Mat-tokki ta’ nofsinhar, bdew jinqraw l-akkużi għall-akkużati fosthom Joseph Muscat ta’ 50 sena u residenti Burmarrad, Konrad Mizzi ta’ 46 sena u residednti Raħal Ġdid, u Keith Schembri ta’ 48 sena minn San Ġiljan. B’kollox ser jinqraw 32 akkuża.
11.57 Mill-awla 22 barra l-Qorti, jinstema’ l-għajjat tal-folla hekk kif Manuel Cuschieri deher iħalli Triq Repubblika.
11.48 Bħalisssa qed jiġu preżentati diversi dokumenti mill-Prosekuzzjoni fosthom il-fedini penali u ċertifikati tat-twelid tal-akkużati. Qegħdin jiġu ppreżentati wkoll l-ordnijiet ta’ ħasil ta’ flus.
11.45 L-avukat Stefano Filetti li qiegħed jidher għall-akkużat Adrian Hillman irrinunżja għad-dritt għall-ispeċjalità u ldikkjara li Hillman ġie Malta minn jeddu, u dan għaliex hu residenti l-Ingilterra.
11.43 Il-Maġistrat tordna li tinżamm l-ordni bejn l-avukati li ser jidhru għall-akkużati.
11.41 Il-Qorti taħtar interpretu peress li wieħed mill-akkużati Clarence John Conger-Thompson ma jitkellimx bil-lingwa Maltija.
11.40 Fost it-28 avukati preżenti, sitt avukati qed jidhru għall-eks Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat; L-avukat Charlon Gouder, l-avukat Vince Galea, l-avukat Luke Dalli, l-avukat Domnic Micallef, l-avukat Etienne Borg Ferrante u l-avukat Ishmael Psaila.
11.38 Fl-awla 22 tidħol il-Maġistrat Rachel Montebello.
11.29 Quddiem il-bank tal-Maġistratura, esebiti għexieren ta’ kaxex u towers tal-computers b’dokumenti u provi marbuta mal-inkjesta Vitals. Dan filwaqt li s-siġġijiet li s-soltu jkunu okkupati mill-membri tal-ġurija waqt ġuri bħalissa qed jintużaw mill-avukati tal-akkużati.
11.25 Ninsabu f’Awla 22 fejn bħalissa bdew dieħlin bosta avukati li mistennija jidhru għall-akkużati. Il-qraba tal-akkużati u l-ġurnalisti jinsabu preżenti wkoll.
11.00 L-eks Prim Ministru Joseph Muscat flimkien ma’ martu Michelle Muscat jaslu quddiem il-Qorti. Jiddomina l-għajjat u ċapċip mill-folla li inġabret barra l-Qorti.
10.55 Qabel ma daħal, Konrad Mizzi ddikjara li huwa innoċenti. Huwa ġie milqugħ mill-folla barra mill-Qorti.
10.50 L-eks ministru Konrad Mizzi jasal quddiem il-Qorti. Għall-eks chief of staff Keith Schembri u l-eks ministru Konrad Mizzi qed jidhru l-avukati Edward Gatt, Mark Vassallo u Shaun Zammit.
10.45 L-Ispettur li se jkunu qed imexxu l-Prosekuzzjoni tal-każ jinsabu fil-Qorti. S’issa, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà u l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg għadhom ma dehrux.
10.30 Fis-sular ta’ Awla 22 preżenti bosta avukati, fosthom żewġ avukati minn sitta li ser jidhru għall-eks Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat; l-avukat Charlon Gouder, l-avukat Luke Dalli u l-avukat Vince Galea. Preżenti wkoll uħud mill-akkużati, fosthom Karl Cini, l-awditur Christopher Spiteri, Mario Gatt, David Meli u oħrajn. Sa issa, Joseph Muiscat għadu mhux preżenti.
10.15 L-eks Chief of Staff Keith Schembri għadu kif daħal fil-Qorti. Schembri ma jwieġeb għall-ebda domanda tal-media.
10.10 Awla 22 tinsab magħluqa, u ħadd m’hu ser jitħalla jidħol qabel il-11am.
10.00 Quddiem il-Qorti hawn preżenza qawwija ta’ Pulizija. In-nies ġabu magħhom imkatar tal-Labour, imkatar l-antiki tal-Malta Labour Party u posters b’wiċċ Muscat. Dan filwaqt li dwiet l-għajta “Viva l-Labour”.
9.50 Fost il-ġemgħa kbira ta’ nies li bdiet tinġabar quddiem il-Qorti sabiex juru l-appoġġ tagħhom lil Joseph Muscat, wasal Manuel Cuschieri milqugħ biċ-ċapċip mill-partitarji. Proprju l-ġimgħa li għaddiet, mart Joseph Muscat, Michelle, irringrazzjat lil Cuschieri talli appoġġja lil żewġha fil-mument tal-verità, filwaqt li ħeġġet lin-nies biex jattendu għall-wirja ta’ appoġġ tal-lum “b’mod paċifiku u seren”.
Żvilupp sinifikanti fl-istorja politika Maltija fejn għall-ewwel darba ser jitressaq l-eks Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat, flimkien mal-eks chief of-staff tiegħu Keith Schembri, l-eks ministru Konrad Mizzi, u 11 il- individwi ieħor u disa’ kumpaniji. Fuq rashom dawn qed jiffaċċaw akkużi li jkopru ħasil ta’ flus, korruzzjoni, tixħim, u diversi allegazzjonijiet serji oħra, li jimmarkaw mument negattiv fl-istorja politika ta’ Malta.
Każ li jorbot mal-ftehim ta’ tliet sptarijiet li jinvolvi miljuni kbar ta’ ewro li minnu l-poplu Malti mhux biss ma ħa xejn iżda nsteraq b’aktar minn 400 miljun ewro.
Dawk li se jitressqu illum mal-eks Prim Ministru Laburista Muscat, Konrad Mizzi, Keith Schembri mixlijin li wettqu reati kontra l-istat Malti huma Clarence John Conger-Thompson, Christopher Spiteri, l-awditur ta’ Steward, l-Avukat Jonathan Vella, David-Joseph Meli, Ivan Vassallo li jissuplixxi tagħmir mediku, Mario Victor Gatt, Brian Bondin, Adrian Hillman, Peter Sladden, Brian Tonna, Karl Cini. u l-kumpaniji Sciacca Grill Ltd, Kasco Engineering Company Ltd, FSV Ltd u MTrace p.l.c. TECHNOLINE LTD. Eurybates Limited u Taomac Ltd. u Nexia BT Limited.
Il-Maġistrat Rachel Montebello ġiet inkarigata biex tippresjedi l-kumpilazzjoni tal-provi ta’ dawk akkużati. L-akkużi ġejjin wara li l-Maġistrat Gabriella Vella temmet l-inkjesta tagħha dwar il-ftehim tal-isptarijiet Vitals u għaddiet is-sejbiet lill-Avukat Ġenerali.
L-Ispetturi Wayne Rodney Borg u Hubert Cini, flimkien mas-Supretendent Fabian Fleri se jmexxu l-Prosekuzzjoni bl-assistenza tal-avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Francesco Refalo, Rebekah Spiteri u Shelby Aquilina.
L-avukati Ishmael Psaila Luke Dalli, Vincent Galea, Charlon Gouder, Dominic Micallef u Etienne Borg Ferrante qed jirrappreżentaw lil Muscat. L-avukati Shazoo Ghaznavi u Alex Scerri Herrera qed jirrappreżentaw lil Conger-Thompson. L-avukati Edward Gatt, Mark Vassallo u Shaun Zammit qed jirrappreżentaw kemm lil Mizzi u lil Schembri. L-avukati Jason Grima qed jirrappreżenta lil Spiteri u lil Gatt. L-avukat Stephen Tonna Lowell qed jirrappreżenta lil Tonna, Cini u lil Nexia BT. L-avukati Stefano Filletti qed jirrappreżenta lil Adrian Hillman. L-avukat Giannella De Marco qed tirrappreżenta kemm lil Meli u lil Gatt.
//= $special ?>