Lokali

“Din hija ġurnata sewda għal pajjiżna” – Bernard Grech

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’intervista fuq Net Television, b’reazzjoni għal dak li rajna llum, aċċena lill-ġurnalisti kollha tal-kuraġġ li wrew kif ukoll irringrazzja lill-Pulizija li kien hemm fejn il-Qorti.

Bernard Grech sostna li n-nies li marru l-Belt Valletta b’turija ta’ sapport għall-akkużati qegħdin jiġu ingannati u instigati biex jirreagixxu b’dak il-mod, u kull min instiga u xerred l-informazzjoni falza għandu jieħu r-responsabbilità. Grech tkellem ukoll dwar il-fatt li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna minħabba dawn l-affarjiet kollha, qiegħda dejjem tiġi imminata, b’saħanistra pajjiżi oħra bħall-Italja avżaw liċ-ċittadini tagħhom sabiex jevitaw il-Belt Valletta.

Bernard Grech fakkar kif id-diskorsi ta’ Robert Abela u esponenti oħra tal-Labour huma perikolużi u għalhekk din tikxef kemm Robert Abela huwa Prim Ministru irresponsabbli.

Hu tkellem ukoll dwar il-fatt li jekk jibqa’ l-istess Gvern fil-poter, is-sitwazzjoni tibqa’ l-istess, għaliex mhux kemm jinbidlu l-persuna iżda sostna li l-magna Laburista għadha l-istess, b’hekk aċċena lil dawk kollha ta’ rieda tajba li l-Partit Nazzjonalista huwa l-unika tama għal pajjiżna u hemm bżonn bidla fit-tmexxija tal-pajjiż.

Bernard Grech appella lill-Maltin kollha f’dawn il-mumenti li hemm bżonn għaqda nazzjonali u għandna flimkien ningħaqdu taħt il-bandiera Maltija sabiex flimkien insalvaw lil dan il-pajjiż.