Lokali

Joseph Muscat fil-Qorti – ma jwieġeb għall-ebda domanda tal-media

Jasal il-Qorti Joseph Muscat hekk kif l-apooġġ mill-ġemħa jilħaq il-qofol tieghu. In-nies preżenti ma jiqfux iċapċpu u jkantaw ‘Viva l-Labour’. Fost oħrajn jgħajtu : Għax għandna lil Joseph magħna aħna magħqudin”. Hekk kif flimkien ikantaw ukoll l-innu tal-Partit Laburista waqt li Joseph Muscat ma jwieġeb għal ebda mistoqsija li għamlu l-ġurnalisti.

Preżenti wkoll flimkien ma’Joseph Muscat, il-mara tiegħu Michelle Muscat kif ukoll Jason Micallef. Dan kollu waqt li l-Prim Ministru ta’ Malta qiegħed Għawdex.

Jasal ukoll il-Qorti l-Eks Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi, il-moħħ wara d-deal frawdalenti tal-Vitals. Il-partitarji preżenti tawh merħba kbira. Dan hekk kif il-folla b’ħafna enerġija mill-ġdid qabdet tgħajjat ‘Viva Labour’ kif ukoll ‘Viva Joseph’. Konrad Mizzi ma jwieġeb l-ebda mistoqsija hekk kif iżomm fuq wiċċu tbissima.

Jasal il-Qorti Keith Schembri, l-id il-leminija ta’ Joseph Muscat. Il-folla b’vuċi waħda tgħajjat ‘Viva Labour’. Schembri ma jweġibx għalfejn ma kellimx il-Pulizija meta ra l-email ta’ due dilegence report, u ma jweġibx lanqas meta mistoqsi għalfejn ħeba flus Joseph Muscat u lanqas ċaħħad li ħeba flus Joseph Muscat.

Deher ukoll John Dalli ħiereġ mill-Qorti li minn naħa tiegħu ma weġibx jekk kienx hu li ta l-parir lill-Gvern sabiex jiprivatizzaw lill-Isptarijiet -cioè li laqqa’ lil Shaukat Ali mal-esponenti Laburista implikati fl-inkjesta Vitals. Kien hawn li Dalli li stqarr li huwa ma kien ħa jirrispondi xejn minn dawn u li se jkun qed juri dak li – skontu huwa minnu fil-Qorti. B’John Dalli jagħżel li jattakka lil din il-kamra tal-aħbarijiet.

Preżenti fil-Qorti hemm ukoll Brian Tonna u Karl Cini li huma akkużati b’ħasil ta’ flus u anke b’falsifikazzjoni ta’ dokumenti.

Kmieni t-Tlieta filgħodu ġemgħa kbira ta’ nies inġabret quddiem il-Qorti sabiex turi l-appoġġ tagħha lil Joseph Muscat.

Quddiem il-Qorti hawn preżenza qawwija ta’ Pulizija.

In-nies ġabu magħhom imkatar tal-Labour, imkatar l-antiki tal-Malta Labour Party u posters b’wiċċ Muscat. Dan filwaqt li dwiet l-għajta “Viva l-Labour”.

Il-folla mliet parti mill-pjazza ta’ quddiem il-Qorti.

Il-membri tal-midja u l-ġurnalisti jinsabu wkoll skortati mill-Pulizija.

Minkejja li l-Prim Ministru Robert Abela appella biex kulħadd imur ix-xogħol u jsegwi dak li jkun qed jiġri mid-dar, numru kbir ta’ nies semmgħu milli qalu Manuel Cuschieri, Jason Micallef u l-Avukat Charlon Gouder.

L-Eks Prim Ministru Muscat flimkien mal-Eks Ministru Konrad Mizzi, u l-Eks Chief of Staff Keith Schembri se jkunu qed jitressqu llum quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello akkużati bi frodi u ħasil ta’ flus fost oħrajn.