2014
- April 2014: Konrad Mizzi laħaq Ministru tas-saħħa.
- 9 ta’ Ottubru 2014: Il-kumpanija Pivot Holdings Limited twaqqfet minn dawk li kienu se jkunu s-sidien tal-kumpanija Vitals Global Healthcare.
- 10 ta’ Ottubru 2014: Ġurnata wara li twaqqfet il-kumpanija Pivot Holdings, l-Eks Ministru Chris Cardona ffirma ftehim fil-prinċipju mal-imħuħ li waqqfu Pivot Holdings u Vitals Global Healthcare.
2015
- Frar 2015: In-nies wara VGH kienu jafu bl-MOU mal-Gvern xahrejn qabel harget is-sejha għall-offerti ghall-privatizzazzjoni tal-isptarijiet.
- Fl-istess zmien, il-VGH tfittex finanzjament: Preżentazzjoni mfassla minn Vitals tirreferi għall-kumpless mediku ta’ Għawdex u Malta bil-għan li jattiraw finanzi għall-proġett tagħhom. Il-proġett kien jinkludi San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Tindika wkoll li l-gvern se jħallas somma minima fis-sena ta’ €70 miljun għal sodod li jintużaw fis-servizz tas-saħħa pubblika.
- Lejn il-bidu tal-2015: Id-Direttur tal-kumpanija Pivot Holdings Chaudry Shaukat Ali, introduċa tabib Amerikan lil Josie Muscat, is-sid tal-Isptar St James. Filgħaxija, Muscat attenda laqgħa ma’ Shaukat Ali, Iqbal, u xi investituri oħra.
- Fl-4 ta’ Marzu 2015: Sar magħruf li hemm qbil bejn Josie Muscat u negozjanti Amerikani u Palestinjani, fuq il-bejgħ tal-isptar St James Capua u l-kumpanija St James.
- 27 ta’ Marzu 2015: Il-Gvern jippubblika talba għal proposti għall-għoti ta’ konċessjoni tat-tliet sptarijiet: San Luqa, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex u l-Isptar Karin Grech. Fl-istess jum: Ram Tumuluri nħatar direttur tal-kumpanija Bluestone Investments Malta Ltd.
- 13 ta’ Mejju 2015: Vitals Global Healthcare rreġistrata f’Malta bl-ishma kollha miżmuma minn Bluestone Investments Malta Ltd.
- 18 ta’ Mejju 2015: VGH Management Ltd u VGH Assets Ltd reġistrati f’Malta. Mark Pawley u Ram Tumuluri nħatru bħala diretturi tal-imsemmija kumpaniji.
- 19 ta’ Mejju 2015: Data tal-għeluq għas-sottomissjoni tal-offerti; bis-sottomissjonijiet saru minn tliet kumpaniji; Vitals Global Healthcare, Image Hospitals Ltd u BSP Investments Ltd.
- Ġunju 2015: Il-Kabinett japprova memorandum sottomess minn Konrad Mizzi li jitlob lill-Ministri japprovaw il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet lill-VGH. Hawnhekk iseħħ il-bidu tan-negozjati.
- 2 ta’ Settembru: Josie Muscat iħabbar li l-qbil tal-bejgħ tal-Isptar ta’ Capua waqa’.
- 9 ta’ Settembru 2015: Projects Malta tħabbar lill-kumpanija Vitals Global Healthcare li l-Gvern bi ħsiebu jagħti l-konċessjoni tat-tliet sptarijiet lill-VGH.
- 13 ta’ Ottubru 2015: Konrad Mizzi informa lill-Kabinett bl-aħħar żviluppi b’rabta mal-konċessjoni tat-tliet sptarijiet ma’ VGH.
- 30 ta’ Novembru 2015: Vitals Global Healthcare, flimkien mal-kumpaniji sussidjarji tagħha, iffirmat il-ftehim ta’ konċessjoni tat-tliet sptarijiet.
- 7 ta’ Diċembru 2015: Il-Gvern u l-Management tal-VGH iffirmaw żewġ dokumenti mehmuzin mal-ftehim dwar is-servizzi tal-kura tas-saħħa. Saru diversi tibdiliet fis-servizzi, l-attivitajiet u l-operazzjonijiet li kellhom isiru mill-VGH. Dan apparti li l-Gvern qabel li jieħu 100 sodda addizzjonali.
2016
- 8 ta’ Jannar 2016: Il-Gvern u VGH Management daħlu fi ftehim speċifiku li jippermetti lill-Gvern iforni impjegati lill-VGH Management sabiex il-kumpanija tkun tista’ tissodisfa t-termini tal-ftehim.
- 29 ta’ Marzu 2016: Il-pjan ta’ trasferiment (handover plan) kellu jiġi sottomess lill-Gvern, iżda l-VGH naqset milli tagħmel dan sad-data speċifikata.
- 29 ta’ April 2016: Konrad Mizzi jieħu l-ġurament ta’ Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Chris Fearne jissostitwih bħala Ministru għas-Saħħa.
- Mejju 2016: Daphne Caruana Galizia tippubblika rapport li fih instab li Keith Schembri u l-Ambaxxatur ta’ Malta f’Dubai wiegħdu lil Shapoorji Pallonji u lill-kumpanija Global Health Care, ibbażata fl-Emirati Għarab Magħuqda, se jkunu qed jingħataw il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet jekk jaħdmu ma’ Ram Tumulir u Shaukat Ali Chaudry.
- 19 ta’ Mejju 2016: Vitals fl-aħħar tissottometti l-pjani tagħha skont il-ftehim tal-konċessjoni. Din il-kundizzjoni kienet diġà rinunzjata b’ittra li kienet iffirmata bejn Konrad Mizzi u Ram Tumuluri. F’din l-ittra, Mizzi kien qabel li Vitals ma tippreżentax il-ftehimiet ta’ kif se tiffinanzja l-proġetti għat-tliet sptarijiet.
- Ġunju 2016: Fl-aħħar, il-Vitals tissottometti l-pjani tagħha skont il-ftehim tal-konċessjoni għat-tliet sptarijiet.
- 30 ta’ Awwissu 2016: Il-pjani tad-disinn kellhom jiġu sottomessi lill-Gvern. Il-VGH naqset milli tilħaq dan it-tragward sad-data indikata u sakemm il-konċessjoni ġiet trasferita lil Steward Healthcare.
- 13 ta’ Ottubru 2016: 12-il kumpanija anonima ġew irreġistrati f’Jersey, li wħud minnhom għandhom ismijiet simili bħal Vitals Global Healthcare Ltd u VGH Malta.
- 11 ta’ Diċembru 2016: Daphne Caruana Galizia tirrapporta li l-VGH organizzat Chris Party fil-lukanda Westin Dragonara, f’San Ġiljan. Ram Tumuluri fost oħrajn kienu l-organizzaturi.
- Fl-aħħar tal-2016: €16-il miljun imħallsa mill-Gvern lill-VGH.
2017
- 1 ta’ Jannar 2017: Kellhom jiġu pprovduti 50 sodda addizzjonali fl-Isptar Karin Grech. Il-VGH naqset milli tilħaq dan it-tragward sad-data indikata u sakemm il-konċessjoni ġiet trasferita lil Steward Healthcare.
- 14 ta’ Frar 2017: Il-Gvern u l-VGH jidħlu fi ftehim sekondarju fejn il-Gvern irrinunzja mill-obbligu li jipprovdi ftehimiet ta’ finanzjament sad-19 ta’ Frar 2017 iżda estenda l-iskadenza sat-30 ta’ Ġunju tal-istess sena.
- Wara l-Elezzjoni Ġenerali tal-2017, Konrad Mizzi ġie maħtur bħala Ministru għat-Turiżmu. Dan filwaqt li Chris Fearne żamm ir-rwol tiegħu bħala Ministru għas-Saħħa.
- Ġunju 2017: Ram Tumuluri u Mark Pawley iffirmaw kuntratt datat b’lura fejn kien miftiehem li Tumuluri u Pawley bħala diretturi jitħallsu €1 miljun fis-sena mill-Vitals.
- 23 ta’ Ġunju 2017: Il-Gvern u l-VGH jidħlu fit-tieni ftehim sekondarju għall-Ftehim ta’ Konċessjoni tal-isptarijiet, bil-Gvern jestendi l-iskadenza għall-ftehimiet ta’ finanzjament sal-31 ta’ Diċembru 2017.
- 30 ta’ Ġunju 2017: Ġew iffirmati diversi emendi għall-Ftehim ta’ Konċessjoni tat-tliet sptarijet.
- 1 ta’ Lulju 2017: Barts College fil-Kampus ta’ Għawdex. Il-VGH naqset milli tilħaq dan it-tragward sad-data speċifikata u sakemm il-konċessjoni ġiet trasferita lil Steward Healthcare.
- Settembru 2017: Taħditiet bejn Vitals u Steward, biex Steward jieħu post Vitals Global Healthcare.
- 30 ta’ Settembru 2017: 80 sodda ta’ riabilitazzjoni għall-Isptar San Luqa.
- 21 ta’ Diċembru: Toħroġ l-aħbar li Vitals se tkun qed tbigħ il-konċessjoni tal-isptarijiet ta’ Malta lil Steward Healthcare. Ġimgħa wara, il-VGH talbet l-approvazzjoni mill-Malta Industrial Parks biex tittrasferixxi l-ishma ta’ Bluestone Investments fil-VGH.
- Diċembru 2017: €33 miljun imħallsa mill-Gvern lill-VGH fl-2017.
2018
- 17 ta’ Jannar 2018: Joseph Muscat ikkonferma li teżisti klawsola ta’ xiri lura ta’ €80 miljun fil-ftehim tal-Vitals.
- Fl-ewwel xhur tal-2018 Steward għaddiet €3.2 miljun lis-sidien tal-ishma tal-VGH permezz tad-ditta Żvizzera Acccutor AG bħala parti mill-pakkett ta’ xiri.
- 19 ta’ Frar 2018: L-Eks Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fetaħ kawża fil-Qorti kontra Vitals Global Healthcare fejn talab li l-konċessjoni tal-Isptarijiet tiġi ddikjarata null u t-tliet sptarijiet jingħataw lura lill-poplu.
- 31 ta’ Mejju 2018: Bini ġdid fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
- 30 ta’ Settembru 2018: L-Isptar Ġenerali l-Ġdid ta’ Għawdex kellu jibda jopera.
- 31 ta’ Diċembru 2018: Tlestija tas-sodod tal-Isptar San Luqa.
2019
- Awwissu 2019: Jissawwar ftehim ġdid, hekk kif Konrad Mizzi jagħti lil Steward ‘escape clause’ li ddawwar kull terminazzjoni tal-konċessjoni f’inadempjenza tal-Gvern.
- F’Novembru 2019: Tibda l-inkjesta Maġisterjali ta’ Repubblika.
2020
- 2020: Fl-istess żmien li skattat l-inkjesta, Muscat siefer lejn l-Iżvizzera biex iżur l-uffiċċji tal-kumpanija Accutor li kienet tiġbor il-flus għall-azzjonisti tal-Vitals. Hu jingħata kuntratt ta’ xogħol indefinit mal-kumpanija Spring X Media li kellha rabta ma’ Accutor.
- Jannar 2020: Muscat iħeġġeġ lil Robert Abela biex jinnegozja mill-ġdid il-ftehim tal-isptarijit ma’ Steward Healthcare.
- Marzu 2020: Muscat jirċievi pagament ta’ €15,000 minn Accutor.
- Ġunju 2020: Konrad Mizzi jgħid li kienet il-Malta Ent erprise li ffirmat ftehim fil-prinċipju mas-sidien ta’ Vitals u mhux hu. Hu kien talab lill-Gvern biex jippubblika dan il-ftehim wara li sparixxa.
- Lulju 2020: Robert Abela jilqa’ r-rapport tal-Awditur Ġenerali. Iwiegħed li se jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa. Ma jeskludix li jxolji l-kuntratt.
- 3 ta’ Lulju 2020: Is-sid ta’ Nexia BT jammetti li ma sarx due diligence fuq Vitals qabel ngħatat il-konċessjoni.
- 14 ta’ Lulju 2020: Il-ftehim li suppost kien mitluf jinstab għand il-Malta Enterprise.
- Settembru 2020: Ambrish Gupta, wieħed mill-investituri fil-proġett tal-isptarijiet, ifittex fil-Qorti f’Londra lil Steward Healthcare għal $5 miljun li allega li kienu dovuti lilu minn Vitals.
2021
- Jannar 2021: Joseph Muscat jiddefendi fil-Qorti l-ftehim ma’ Vitals. Jgħid li l-klawżola ta’ €100 miljun f’każ li jiġi tterminat il-kuntratt ma’ Vitals, kienet importanti biex il-kumpanija tingħata self mill-bank mingħajr ma jinkisru r-regoli Ewropej tal-għajnuna mill-istat.
- Ġunju 2021: Il-Vitals fil-Qorti: Jiskadu l-permessi tax-xogħlijiet li kellhom isiru minn Vitals fuq it-tliet sptarijiet mingħajr ma beda x-xogħol.
- 28 ta’ Lulju 2021: Steward jiffriżaw il-masterplan tal-Isptar San Luqa għax Robert Abela ma żammx mal-wegħda tiegħu li jirranġa l-ftehim.
- Awwissu 2021:F il-Qorti, Steward tesebixxi kopji sħaħ tal-ftehimiet kollha u l-ittri li ġew iffirmati mal-proġett tat-tliet sptarijiet.
- 12 ta’ Settembru 2021: L-avukati tal-Vitals ordnati jissottomettu l-files tagħhom lill-Pulizija.
- 16 ta’ Novembru 2021: L-Imħallef Francesco Depasquale jaċċetta t-talba ta’ Adrian Delia biex jesebixxi fil-kawża tiegħu dokumenti li kienu deskritti minn Steward bħala “frawdolenti”.
2022
- 19 ta’ Jannar 2022: Il-Pulizija jagħmlu rejd fir-residenza ta’ Muscat f’Burmarrad u fl-uffiċċju tiegħu f’San Mason.
- 26 ta’ Jannar 2022: Steward Healthcare tirrifjuta li tħallas €36.5 miljun f’taxxi lid-Dipartiment tat-Taxxi.
- 7 ta’ Frar 2022: Il-President ta’ Steward, Nadine Delicata, tammetti li l-Vitals ingħataw ammont ta’ flus mit-taxxi tan-nies. Tiddeskrivi l-konċessjoni bħala “mhux maħsuba tajjeb”. Tgħid li l-ftehim tal-konċessjoni kompla jiggrava l-affarijet għax l-investituri waqfu diversi kumpaniji u l-assi tal-kumpanija bdew jiġu trasferiti minn kumpanija għall-oħra.
- 17 ta’ Frar 2022: Steward twaqqa’ l-każ fil-Qorti li fih bdiet tisfida l-aspettattivi ta’ ħlas ta’ €6 miljuni lil wieħed mill-investituri ta’ Vitals.
- 24 ta’ Ġunju 2022: Id-Direttur ta’ Technoline, Ivan Vassallo, il-kumpanija li kienet se tissupplixxi t-tagħmir mediku lill-isptarijiet u li kien qed jiġi investigati għal korruzzjoni u ħasil ta’ flus, jiftaħ protest ġudizzjarju kontra Vitals.
- 24 ta’ Lulju 2022: Rapporti jiżvelaw li €21 miljun minn fondi pubbliċi ġew trasferiti lill-Vitals Global Healthcare Management, qabel ma ġew trasferiti lura lill-kumpanija oħra, Bluestone Investments, bejn l-2016 u l-ewwel xahrejn tal-2018.
- 31 ta’ Lulju 2022: Rapporti jiżvelaw li l-kumpanija tal-interior design, 3City Design (il-kumpanija tal-mara ta’ Keith Schembri, Josette), irċeviet mijiet ta’ eluf ta’ ewro minn Vitals u Steward f’Novembru 2017. Hi qed tiċħad l-akkużi.
- 30 ta’ Awwissu 2022: Il-Union tal-Infermiera tikkritika bl-aħrax il-profitt ta’ €6 miljun li għamlet Steward. Tgħid li bihom, seta’ jinbena sptar ġdid għas-saħħa mentali.
2023
- 30 ta’ Jannar 2023: Żewġ sensara Pakistani jfittxu lil Steward Healthcare għal €2.8 miljun f’senseriji.
- 15 ta’ Frar 2023: Steward titlob lill-Gvern biex jinvestiga lill-editur maniġerjali tal-MaltaToday, Matthew Vella, dwar rapport fil-gazzetta li żvela l-istruttura tat-tmexxija ‘suspettuża’ tal-kumpanija.
- 24 ta’ Frar 2023: Il-Qorti tannulla l-ftehim tal-isptarijiet, iċċanfar bl-aħrax lill-Vitals, Steward u lill-Gvern fis-sentenza tagħha.
- 24 ta’ Frar 2023: L-Eks Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, jgħid li s-sentenza tal-Qorti “teħilsu” minn kull responsabiltà dwar il-ftehim tal-isptarijiet.
- 1 ta’ Marzu 2023: Il-Qorti tilqa’ t-talba tal-Gvern biex il-perjodu tal-appell dwar din is-sentenza jiqsar.
- 7 ta’ Marzu 2023: Robert Abela jgħid li ma jeżisti l-ebda dokument ta’ parir legali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru dwar il-ftehim ma’ Vitals.
- 15 ta’ Marzu 2023: Steward tappella mis-sentenza li annullat il-ftehim. Titlob għal sentenza mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
- 21 ta’ Marzu 2023: Il-Gvern ineħħi lil Steward mit-tmexxija tal-isptarijiet. Il-Gvern jerġa’ jsir is-sid tal-isptarijiet.
- 15 ta’ April 2023: Il-Gvern jirbaħ l-ewwel ‘battalja’ fl-arbitraġġ internazzjonali li nfetaħ kontra Steward.
- 17 ta’ Mejju 2023: Il-midja tiżvela kif Joseph Muscat irċieva pagamenti minn kumpanija fl-Iżvizzera, li kien jisimha VGH Europe, wara li rriżenja minn Prim Ministru.
- 18 ta’ Mejju 2023: Muscat jgħid li l-Maġistrat Gabriella Vella m’għandhiex tmexxi l-inkjesta Vitals.
- 31 ta’ Mejju 2023: Il-campaign manager ta’ Chris Fearne, Carmen Ciantar, tissospendi lilha nfisha biex tnaddaf isimha minn allegazzjonijiet li xxaħħmet wara rapporti li ġew ippubblikat f’siti tal-aħbarijiet Pakistani.
- 2 ta’ Ġunju 2023: Carmen Ciantar titlob lill-Qorti biex tixhed fl-inkjesta Vitals.
- 3 ta’ Ġunju 2023: Rama Tumuluri jiċħad li ħallas lil Carmen Ciantar wara allegazzjonijiet ta’ tixħim minn Vitals.
- 15 ta’ Ġunju 2023: Joseph Muscat jitlob għar-rikuża tal-Maġistrat Gabriella Vella mill-inkjesta vitals.
- 31 ta’ Lulju 2023: Carmen Ciantar tirritorna fil-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-FMS wara li naddfet isimha mill-allegazzjonijiet ta’ tixħim.
- 23 ta’ Ottubru 2023: Il-Qorti tal-Appell tiċħad it-talbiet ta’ Steward, tikkonferma s-sentenza tal-Ewwel Qorti u tannulla l-ftehim tat-tliet sptarijiet. Tiddeskrivih bħala “frawdolenti”.
- 23 ta’ Ottubru 2023: Steward tgħid li l-obbligi kuntrattwali ma kinux onorati minn Vitals.
- 10 ta’ Diċembru 2023: Il-PN iħabbar li se jiftaħ kawża l-Qorti biex jiġu jintraddu lura lill-poplu €400 miljun li ħallas il-Gvern lil Steward.
2024
- 9 ta’ Jannar 2024: Il-Qorti tiċħad it-talba ta’ Muscat li jappella mid-deċiżjoni tal-Qorti li kienet irrifjutat it-talba tiegħu biex tiġi esebita l-inkjesta tal-Vitals.
- 11 ta’ Jannar 2024: L-avukat ta’ Muscat jilmenta minn dik li sejjaħ bħala “inkjesta politika” tal-Vitals li ma setgħetx tiġi assenjata mill-ġdid minħabba xogħol b’lura fil-Qorti.
- 15 ta’ Frar 2024: Il-Qorti tilqa’ t-talba tal-Gvern li jkunu parti mill-każ li fetaħ il-PN kontra l-Avukat tal-Istat dwar il-ftehim tal-isptarijiet.
- 13 ta’ Marzu 2024: L-Avukat tal-Istat jinsisit li ma jistax ifittex lil Vitals dwar l-aġir ta’ kollużjoni.
- 25 ta’ Marzu 2024: Muscat jirtira l-kawża li kien fetaħ fejn fiha allega li nkisrulu d-drittijiet fundamentali tiegħu fl-inkjesta Vitals.
- 25 ta’ April 2024: Il-Maġistrat Gabriella Vella tikkonkludi l-inkjesta u tgħaddi lilha u 78 kaxxa ta’ evidenza lill-Avukat Ġenerali.
- 28 ta’ April: Robert Abela jwissi lill-ġudikatura biex ma tkunx parteċipi “f’terroriżmu politiku”.
- 6 ta’ Mejju 2024: Il-Pulizija tiftaħ proċeduri kriminali kontra diversi individwi u kumpaniji marbuta mal-Inkjesta Vitals. Is-suspettati se jitressqu l-Qorti b’ċitazzjoni u mhux b’arrest.
- 7 ta’ Mejju 2024: Joseph Muscat u Konrad Mizzi jiġu akkużati b’ħasil ta’ flus, tixħim u korruzzjoni. Chris Fearne u Edward Scicluna jiġu akkużati b’miżapproprijazzjoni u qligħ frawdolenti.
- 10 ta’ Mejju: Chris Fearne jirreżenja mill-Kabinett. Jirtira n-nomina għal Kummissarju Ewropew.
- 28 ta’ Mejju 2024: Muscat u oħrajn se jitressqu l-Qorti b’riżultat tal-ftehim frawdolenti tal-isptarijiet.