“Fit-8 ta’ Ġunju li ġej għandna noħorġu nivvutaw bi ħġarna għal Malta differenti. Għal Malta li ċċapċap lil min jagħmlilha l-ġid u jgħolli isimha ’l fuq, mhux għal min jisraqna u jniżżel ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna mal-barrani dejjem aktar ’l isfel.”
Hekk qal il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius fl-attività politika tal-Partit Nazzjonalista, fin-Naxxar.
Hu beda biex fakkar li proprju bħal-lum 10 snin konna qed niċċelebraw għax għall-ewwel darba l-Partit Nazzjonalista kien tella’ t-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew. Illum erġajna nġbarna hawn biex nerġgħu niktbu l-istorja u nerġgħu ntellgħu t-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew fl-elezzjoni li ġejja.
Peter Agius irrefera għall-ġrajjiet ta’ dalgħodu quddiem il-Qorti u qal li hu sewwa li kulħadd jitqies l-istess quddiem il-liġi u jintalab jagħti rendikont ta’ għemilu fl-awla tal-Qorti, u mhux fil-pjazez. “Jiena skantajt nara ġgajta ta’ nies li minflok jitolbuh lura l-flus li seraqhom, juruh l-appoġġ u jċapċpulu.”
Hu qal li aħna għandna nċapċpu lil min jipprovdilna servizz tas-saħħa aħjar, lil min iġib lejn pajjiżna investiment u ekonomija li trendi minflok iċ-cheap labour. Lil min isem Malta jgħollih ’il fuq u mhux iniżżlu dejjem aktar ’l isfel.
Peter Agius qal li tal-Labour jafu li meta nitkellmu fuq l-issues bħalma huma l-għoli tal-ħajja u l-ambjent, nirbħulhom. Hu fakkar f’kemm-il darba tkellem favur il-biedja u l-prodott Malti fi Brussell, u fuq il-ħtieġa ta’ ambjent aħjar minflok narmu d-drenaġġ fil-baħar.
Aħna, it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew ma rriduhx biex iservi ta’ paraventu għal xi ħadd korrott, imma rriduh biex nippromwovu liġi ġdida kontra l-korruzzjoni. Irridu t-tielet siġġu biex nitkellmu b’vuċi aktar soda f’ismek u biex naqbżu għalik.
Peter Agius qal li tal-Labour jistgħu jirbħu biss jekk inħalluhom jixtru l-voti tan-nies bil-corrupt practices li tant huma rinomati għalihom, kif għamlu fis-Siġġiewi u kif qegħdin jagħmlu biċ-ċekkijiet fid-djar ftit ġimgħat qabel l-elezzjonijiet, u bil-vouchers li qed iqassam Alex Saliba ftit jiem qabel tibda l-votazzjoni.
Qegħdin jippruvaw iqarrqu wkoll b’90,000 pensjonant li twieldu qabel l-1962 u jgħidulhom li għadhom qed jaħdmu dak dovut lilhom, meta l-iskop hu li tilħaq tgħaddi l-elezzjoni biex imbagħad jinsewhom.
Peter Agius appella biex kulħadd jagħti sehmu u joħroġ jivvota fit-8 ta’ Ġunju. Għax inti jixraqlek Malta differenti, Malta aħjar.
//= $special ?>