Il-battalja għal Rafah qed tavviċina l-fażi deċiżiva wara li t-tankijiet tal-gwerra ta’ Iżrael daħlu fil-qalba tal-belt u bis-suldati jieħdu l-kontroll ta’ zona ċentrali minfejn jistgħu jikkoordinaw aħjar l-azzjonijiet militari kontra l-Ħamas.
Dan fost rapporti li l-battalji bejn l-Armata u t-terroristi Palestinjani ntensifikaw bil-kbir mill-bidu tal-ġimgħa ‘il hawn u bil-militar Iżraeljan anki qed jiftaħ il-bumbardamenti ħorox fuq l-inħawi ta’ Rafah, lejn in-naħa t’isfel ta’ Gaza u li jinsabu biss xi 500 metru ‘il bogħod mill-fruntiera mal-Eġittu.
Intant, Iżrael – minkejja t-twissijiet tal-komunità internazzjonali biex ‘jirrispetta l-ħajja taċ-ċivili’ – jinsab determinat li jieħu l-azzjonijiet kollha li hemm bżonn biex jelimina lit-terroristi minn Rafah u jaċċerta s-sigurtà tal-poplu tiegħu.
Kien hemm anki konferma li ‘il fuq minn 60 persuna oħra – fosthom ċivili – tilfu ħajjithom f’Rafah bejn il-lejl tat-Tnejn u llum wara nofsinar. Sadanittant, is-sitwazzjoni saret iddisprata għall-mijiet tal-eluf tar-refuġjati Palestinjani li kienu vjaġġaw lejn Rafah għas-sigurtà fi żmien meta l-gwerra (li ilha minn Ottubru) kienet tolqot direttament lil bnadi oħrajn ta’ Gaza.
U waqt li t-tankijiet tal-gwerra tal-Iżraeljani qed jinfiltraw aktar ‘il ġewwa f’Rafah u viċin id-diversi fortizzi tal-Ħamas, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti qed iħejji laqgħa urġenti biex jiddiskuti l-attakk tal-Ħadd, mill-qawwiet tal-ajru Iżraeljani, fuq kamp għar-refuġjati f’Rafah u li kien sewa l-ħajja ta’ għexieren ta’ Palestinjani.
Min-naħa tagħhom, il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu u kelliema oħra tal-Gvern tiegħu fissru l-azzjoni tal-Ħadd bħala ‘inċident traġiku’ waqt li wiegħdu l-kooperazzjoni kollha biex isiru magħrufa d-dettalji eżatti ta’ x’wassal ‘għall-massakru ta’ diversi ċivili’.
Madankollu, Iżrael qed jgħid ukoll li l-attakki mill-ajru tal-Ħadd saru wara ‘informazzjoni preċiża’ provduta mis-servizzi tas-sigurtà Iżraeljani u li indikat numru ta’ bejtiet speċifiċi tal-Ħamas fid-diversi zoni tal-kamp għar-refuġjati….Kamp li jkopri medda enormi ta’ territorju.
L-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati Palestinjani (UNRWA) issa konfermat li mal-miljun persuna kienu kostretti li jaħarbu minn Rafah fl-aħħar tliet ġimgħat – bl-eżodu jsir fost il-bumbardamenti u meta dawn in-nies, fil-verità, ma għandhom imkien aktar fejn imorru.
//= $special ?>