Elezzjonijiet 2024 Lokali

“Il-PN biss joffri sfida għas-sistema mafjuża li ħakmet lil pajjiżna” – Bernard Grech

“Huwa biss il-Partit Nazzjonalista li joffri sfida lis-sistema mafjuża li ħakmet lil pajjiżna u jekk trid tibgħat messaġġ li ġbajt bil-mod kif qed jitmexxa pajjiżna, ivvota lill-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista għaliex determinati li jaħdmu għalik.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt l-attività politika li saret it-Tlieta filgħaxija fin-Naxxar, bit-tema ‘Għalik’.

Fil-bidu tad-diskors tiegħu Bernard Grech irringrazzja lill-ġurnalisti u lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor taw sehemhom b’rabta ma’ dak kollu li kien għaddej fil-Qorti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li illum hija ġurnata sewda għal pajjiżna, bil-Prim Ministru lanqas biss kien f’Kastil,ja dan filwaqt li l-poplu qed jitkarrab għal direzzjoni u tama ġdida f’pajjiżna. Huwa qal li din hija sitwazzjoni inkwetanti hekk kif Eks Prim Ministru, Eks Chief of Staff u Eks Ministru qed jaffaċċjaw akkużi serjissimi b’rabta ma’ frodi u organizzazzjoni kriminali.

Bernard Grech qal li fl-2013, il-Partit Laburista tela’ fil-Gvern bil-għan li jisraq lill-poplu Malti u Għawdxi għaliex issa għandna konferma li r-roadmap kienet hemm mill-bidu.

Għaldaqstant, għal darb’oħra Bernard Grech ikkundanna l-attakki ta’ Robert Abela fil-konfront tal-midja u tal-ġudikatura. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fil-Qorti kien hemm spettur li kkonferma li l-Pulizija ma wettqet l-ebda investigazzjoni indipendenti b’rabta ma’ dan id-deal frawdolenti. Hawnhekk, Bernard Grech qal li l-Kummissarju tal-Pulizija jaħdem f’isem Robert Abela u mhux għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.

Bernard Grech qal li pajjiżna huwa maħkum minn mafja kriminali, b’Kummissarju tal-Pulizija li ma jieħu l-ebda azzjoni.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li numru ta’ istituzzjonijiet ma baqgħux jaħdmu fl-interess tal-poplu taħt Gvern Laburista, fosthom ix-xandir nazzjonali li kien ħareġ direttiva sabiex Roberta Metsola ma tissemmiex għaliex hija l-President tal-Parlament Ewropew.

Huwa fakkar li l-Partit Laburista għamel minn kollox sabiex iżomm dan id-deal għaddej tant li meta saret l-elezzjoni bikrija, l-ewwel li saru jafu kienu s-sidien tal-Vitals Global Healthcare.