Elezzjonijiet 2024 Lokali

“Iż-żgħażagħ għandhom jerġgħu jkunu l-protagonisti tal-bidla” – Lee Bugeja Bartolo

Ritratt: Martin Agius

Iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin dejjem kienu l-protagonisti għall-bidla. U hekk għandhom jerġgħu jkunu issa li pajjiżna tant għandu bżonn jibdel id-direzzjoni tiegħu.

Hekk sostna l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Lee Bugeja Bartolo fl-intervent tiegħu fl-attività politika tal-Partit Nazzjonalista, fin-Naxxar.

Hu beda billi rrefera għall-ġemgħa ta’ nies li filgħodu ħasset li kellha tiċċelebra u tapprova l-iskandli tal-korruzzjoni li heżżew lil pajjiżna f’dawn l-aħħar snin, u qal li skandli bħal dawn għandna ningħaqdu u nikkundannawhom u mhux niċċelebrawhom.

Hu qal li hemm bżonn li l-politiċi jagħtu aktar spazju liż-żgħażagħ u jimpenjaw ruħhom biex jisimgħuhom u jifhmuhom aktar. Huma ż-żgħażagħ li bl-entużjażmu u l-ħeġġa tagħhom kapaċi jkunu l-katalisti tal-bidla li pajjiżna tant għandu bżonn.

Lee Bugeja Bartolo qal li bħala żagħżugħ jifhem li mill-politiċi għandna nistennew aktar maturità, aktar viżjoni u aktar tama. Il-politiċi jitilfu l-appoġġ taż-żgħażagħ jekk jgħidu mod u jaġixxu mod ieħor. Liż-żgħażagħ għandna nimmotivawhom aktar. Għandna nimxu maż-żmien u nagħtuhom l-ispazju fejn jimirħu u b’hekk nattiraw l-interess tagħhom.

Hu temm jgħid li jrid jara ż-żgħażagħ fuq quddiem nett mexjin fl-interess mhux biss tal-partit tagħna, imma ta’ Malta u Għawdex kollu.