Lokali Qorti

Joseph Muscat u 13 oħra mixlija fost oħrajn bi frodi: Konfermat l-iffriżar tal-assi tagħhom u talba għal interdizzjoni ġenerali f’każ ta’ ħtija

Joseph Muscat, l-Eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, l-Eks Ministru Konrad Mizzi, u 11-il individwu ieħor flimkien ma’ disa’ kumpaniji ġew mixlija b’ħasil ta’ flus, korruzzjoni, tixħim, u diversi allegazzjonijiet serji oħra b’rabta mal-frodi tat-tliet sptarijiet, Huma ġew akkużati b’tixħim, frodi, korruzzjoni, ħasil ta’ flus u assoċjazzjoni kriminali u kollha wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.

Dan wara li tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello f’maratona ta’ talbiet min-naħa tad-difiża li kkontestat bil-qawwa kollha l-ordni ta’ ffriżar ta’ miljuni ta’ ewro fil-konfront tagħhom. Madankollu l-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni u ordnat friża fuq l-assi kollha tal-imputati.

Il-prosekuzzjoni qalet lill-Qorti wkoll f’każ ta’ ħtija, l-akkużati tinħarġilhom interdizzjoni ġenerali li jfisser li ma jkunux jistgħu jivvutaw f’elezzjoni ġenerali u elezzjonijiet oħra kif ukoll li jkunu impediti milli jagħmlu kuntratti notarili jew ftehim ma’ banek kummerċjali minn kull aspett.

Sadanittant, il-Maġistrat għamlitha ċara li l-provi se jkunu aċċessibbli biss għall-avukati u l-partijiet, u tenniet li kif tgħid il-liġi. “L-interess pubbliku jeħtieġ li jiġi protett għall-amministrazzjoni korretta tal-ġustizzja u mhux ir-rivelazzjoni tal-evidenza miġbura waqt l-inkjesta.” Il-Qorti pprojbit lill-partijiet jew lill-avukati tagħhom milli jgħaddu kwalunkwe dokument jew evidenza mill-fajl tal-każ.

F’kelma waħda, mhux permesibbli li jsiru press confrences minn xi imputat jew li jitkellem dwar il-proċeduri u dan għas-serħan tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Il-Qorti qalet li riedet tkun ċara li l-kawża kriminali ssir fil-Qorti u mhux fuq il-midja soċjali. L-avukati u l-akkużati huma pprojbiti milli jippubblikaw jew janalizzaw jew jiskrutinizzaw l-evidenza jew ix-xhieda li joħorġu waqt is-seduti tal-Qorti fil-pubbliku.

Il-Qorti qalet li filwaqt li mhux se tkun qed tipprojbixxi lill-imputati milli jivvjaġġaw barra mill-pajjiż, kienet se tilqa’ t-talba biex tingħata garanzija oneruża biżżejjed mill-akkużati biex tkun żgurata l-attendenza tagħhom għas-seduti. Ġiet imposta garanzija personali ta’ €25,000 fuq kull akkużat.

Sadanittant, tant kemm l-akkużi jġorru piena ta’ ċertu portata, li wara tmiem il-kumpilazzjoni l-każ jgħaddi f’idejn Qorti Kriminali li għandha poteri akbar minn dik ta’ Qorti tal-Maġistrati fejn tidħol il-piena.

Dan huwa każ li jorbot mal-ftehim ta’ tliet sptarijiet li jinvolvi miljuni kbar ta’ ewro li minnu l-poplu Malti mhux biss ma ħa xejn, iżda nsteraq b’aktar minn €400 miljun.

Hekk kif l-akkużati ħadu posthom fl-iżbarra f’seduta karatterizzata minn storbju ġej minn barra l-awla 22 fejn partitarji leali lejn Joseph Muscat bdew ikantaw innijijiet favur Joseph Muscat u l-Labour. Kawża li ħadet aktar minn disa’ sigħat.

Joseph Muscat ġie akkużat b’ħasil ta’ flus, frodi u qligħ frawdolenti, kif ukoll b’konfoffa biex jitwettaq reat u li pparteċipa f’organizzazzjoni kriminali ta’ aktar minn 10 persuni. Huwa, bħal Konrad Mizzi u Keith Schembri ġie mixli wkoll li wettaq reat li kien fid-dmir li jippervjeni bħala Prim Ministru, Ministru jew uffiċjal għoli tal-Gvern.

L-Eks Prim Ministru Joseph Muscat għandu wkoll ordni ta’ ffriżar fuq rasu li jlaħħaq it-€30 miljun, filwaqt li Eks Ministri u oħrajn għandhom ukoll ordni ta’ ffriżar qawwi li jlaħħaq l-istess portata. Fost l-akkużati jinkludu diversi Segretarji Permanenti u awdituri fost oħrajn.

Minbarra l-Eks Prim Ministru Muscat, il-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri mixlijin li wettqu reati kontra l-istat Malti, tressqu wkoll Clarence John Conger-Thompson, Christopher Spiteri, l-awditur ta’ Steward, l-Avukat Jonathan Vella, David-Joseph Meli, Ivan Vassallo li jissupplixxi tagħmir mediku, Mario Victor Gatt, Brian Bondin, Adrian Hillman, Peter Sladden, Brian Tonna u Karl Cini.

Inħarġu wkoll akkużi kontra l-kumpaniji Sciacca Grill Ltd, Kasco Engineering Company Ltd, FSV Ltd u MTrace p.l.c. TECHNOLINE LTD. Eurybates Limited u Taomac Ltd. u Nexia BT Limited. L-akkużi ġejjin wara li l-Maġistrat Gabriella Vella temmet l-inkjesta tagħha dwar il-ftehim tal-isptarijiet Vitals u għaddiet is-sejbiet lill-Avukat Ġenerali.

L-avukati tal-akkużati qed jinsistu fuq provi biex jiġġustifikaw l-ordnijiet ta’ ffriżar li saru fuq il-klijenti tagħhom. Dawn l-ammonti jammontaw għal miljuni – għal Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri, dawn l-ammonti jilħqu t-€30 miljun kull wieħed. Xi ħaġa li d-difiża qalet li ma hemm l-ebda prova għal dawn l-ammonti u li din ma tidher imkien mill-inkjesta Maġisterjali tal-Maġistrat Gabriella Vella.

Vince Galea, wieħed mill-Avukati minn sitta ta’ Joseph Muscat, qal lill-Qorti li kien qed jikkontesta bil-qawwa kollha l-ordni ta’ iffriżar ta’ €30 miljun, fil-konfront tal-klijent tiegħu. Xi ħaġa li qablu magħha l-maġġoranza tal-Avukati minbarra l-Avukat Veronique Dalli li spjegat lill-Qorti li ma kinitx se tingħaqad mal-kumplament tad-difiża fuq din it-talba, peress li l-kwistjoni ma tikkonċernax lill-klijent tagħha. Dalli flimkien mal-avukati Dean Hili, Rachel Powell u Kris Scicluna qed jirrappreżentaw lill-kumpanija Taomac Ltd.

L-Avukat Francesco Refalo qal li jekk wieħed jara minn paġna 1,099 ‘il quddiem tal-inkjesta, jinduna minn fejn ġejjin iċ-ċifri fuq il-ħruġ ta’ ordni ta’ qbid. Argument li ħafna mill-avukati tad-difiża ma qablux miegħu u tennew li mhux minnu joħroġ dan mill-inkjesta Maġisterjali. Huwa qal ukoll li 78 kaxxa ta’ evidenza li huma skjerati fil-Qorti hemm fihom provi dwar l-ordnijiet ta’ ffriżar.

L-Avukat Stefano Filletti li qed jidher għal Adrian Hillman, qal li wieħed jirrimarka li l-paġni indikati mill-prosekuzzjoni huma sempliċiment fejn il-maġistrat jibda jiddikjara x’għandhom ikunu l-akkużi. “Dan biex wieħed ikun jista’ japprezza d-dgħufija u l-abbuż li tirrappreżenta din it-talba.”

L-Avukat Stephen Tonna Lowell ingħaqad mat-talba ta’ Filletti, u żied li l-AĠ qed jagħti bħala xhieda l-unika parti tal-proċess verbal li mhix evidenza. Anzi, din il-parti speċifika tal-inkjesta tispeċifika l-ammonti allegatament maħsula, mhux ir-rikavat tar-reat, u takkuża lil Refalo li ħawwad it-tnejn.

L-Avukat Franco Debono bena argument fuq il-fatt li l-bażi evidenzjali attwali tal-akkużi mhix magħrufa. Huwa jfakkar lill-Qorti li l-akkużati huma milquta b’ordni ta’ sekwestru, li sejjaħlu “każ ta’ inugwaljanza”.

Qal li l-avukati għandhom bżonn iż-żmien biex jaraw u jeżaminaw l-esebiti sabiex jikkontestaw l-ordnijiet tal-iffriżar. “Forsi m’aħniex tajbin daqs l-Avukat Ġenerali u nistgħu ngħaddu mill-evidenza kollha f’ġimgħa,” qal l-avukat. “Jekk il-prosekutur ma jkunx kapaċi jiġġustifikahom, allura tqum il-kwistjoni sussidjarja… dan huwa territorju ġdid, il-liġi għadha ġdida.”

Mill-pedana tax-xhieda, ir-Reġistratur tal-Qorti Franklin Calleja esebixxa formalment il-fajl tal-inkjesta, magħruf bħala l-proċess verbal, lill-Qorti. L-Avukat Filletti staqsa lix-xhud jekk jistax jgħid x’ġara mid-dokumenti tal-inkjesta fil-jiem bejn il-konklużjoni tal-inkjesta u l-kunsinna tal-atti lill-AĠ.

Il-Qorti qalet li kienet diġà tat struzzjonijiet lill-partijiet li l-ewwel evidenza li għandha tiġi esebita mill-prosekuzzjoni trid tkun evidenza rilevanti għall-ġustifikazzjoni tal-ordnijiet ta’ ffriżar. L-Avukat Jason Grima, li qed jirrappreżenta lil Christopher Spiteri, argumenta li l-klijent tiegħu xehed erba’ darbiet quddiem il-maġistrat inkwerenti mingħajr avukat jew twissija dwar id-drittijiet legali tiegħu. Huwa kien sorpriż li sar rejd fl-uffiċċji tiegħu, u dokumenti u kompjuters maqbuda ftit jiem wara.

Il-Maġistrat tiċħad l-argument tad-difiża dwar ordnijiet ta’ ffriżar

Il-Qorti wara li ssospendiet is-seduta għal aktar minn 40 minuta, osservat li l-emendi introdotti riċentament taw lill-prosekuzzjoni d-dritt li tiffissa ammont. Il-liġi ma tagħmilhiex obbligatorja li l-Qorti tisma’ l-evidenza biex tiddetermina jekk it-talba tal-prosekuzzjoni hiex valida u b’hekk tiġi milqugħa.

L-AĠ għandu jkollu raġuni raġonevoli biex jagħmel dik it-talba u, f’dan il-każ, il-Qorti tqis li tali raġuni teżisti. Anke jekk il-maġistrat inkwirenti indika ammonti iżgħar għal dan il-għan, l-ordni ta’ ffriżar tkopri l-proprjetà kollha, qligħ illeċitu u għalhekk suġġett għal konfiska.

Il-Maġistrat Montebello qalet li jista’ jkun hemm interessi fuq fondi investiti. L-ammonti jistgħu saħansitra jkunu akbar mis-somom stabbiliti mill-AĠ.

“Il-Qorti tista’ toħroġ ordni ta’ ffriżar temporanju u tqis li ma tistax tistrieħ fuq xi xhud. Għalhekk il-Qorti qed tiċħad it-talbiet tad-difiża,” qalet il-Maġistrat. L-avukat difensur Stefano Filetti minn naħa tiegħu qal li l-Istat falla lil Adrian Hillman meta ħa deċiżjoni fuqu mingħajr ma sema’ l-verżjoni tiegħu filwaqt li akkuża li l-Istat li “abbdika mir-responsabbiltà tiegħu”.

L-avukat Franco Debono, filwaqt li qal li jirrispetta d-deċiżjoni tal-Qorti, talab biex terġa’ tiġi kkunsidrata t-talba dwar l-ordnijiet ta’ ffriżar.Hu saħaq li m’hemmx raġunar wara l-ħruġ ta’ ordni ta’ ffriżar għal Sciacca Grill. Il-Maġistrat talbet lid-difiża biex ma tirrepetix talbiet preċedenti li l-Qorti diġà ddeċidiet dwarhom.

Hawn ikkummentat ukoll il-prosekuzzjoni li permezz tal-Avukat Francesco Refalo li qal li ma qabilx ma’ dak li qed tgħid id-difiża u argumenta li l-Prosekuzzjoni għandha tistrieħ fuq id-digriet tal-Qorti u li kull ammont ta’ flus li għandhom jiġu ffriżati huwa bbażat fuq provi.

Wara li semgħet is-sottomissjonjiet, il-Qorti ċaħdet mill-ġdid it-talba tad-difiża biex tintalab spjegazzjoni mill-Avukat Ġenerali, wara l-ħruġ tal-ordni ta’ ffriżar. Il-Qorti qalet li m’għandhiex tibbaża ruħha fuq xi prova jew l-ammissibibltà dwar ir-rikavat minn reat għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ffriżar.

Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha qalet li temmen li jeżistu raġunijiet biżżejjed biex l-assi tal-akkużati kollha jibqgħu ffriżati bl-ammonti li tat l-Avukat Ġenerali u li rriżultaw mill-Inkjesta, u għaldaqstant laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni u ordnat il-ħruġ ta’ ordni ta’ qbid u ffriżar fil-konfront tal-akkużati u l-kumpaniji rispettivi, skont l-ammonti mnizzla fid-digriet tal-Qorti. L-ammonti huma kif ġej:

Joseph Muscat: €30 miljun; Konrad Mizzi: €30 miljun; Keith Schembri: €30 miljun; Christopher Spiteri: €30 miljun; Jonathan Vella: €30 miljun; Adrian Hillman: €30 miljun; Pierre Sladden: €30 miljun; David-Joseph Meli: €32 miljun; Brian Tonna: €20 miljun; Karl Cini: €20 miljun; Ivan Vassallo: €11-il miljun; Mario Victor Gatt: €7 miljun; Brian Bondin: €12-il miljun; Clarence John Conger Thompson: €1 miljun; Gateway Solutions Ltd: €5 miljun; Technoline: €5 miljun; Eurybates Ltd: €2 miljun; MTrace p.l.c.: €12-il miljun; Nexia BT Ltd €12-il miljun; Sciacca Grill: €20 miljun; Kasco Engineering Company Ltd: €20 miljun; FSV Ltd: €20 miljun; u Taomac Ltd: €62,500.

Wara xehed Joseph Caruana, il-Kummissarju tat-Taxxi; li qal li rċieva ittra b’informazzjoni dwar investigazzjoni li indikat li hemm biżżejjed provi biex jitressqu l-persuni akkużati llum fil-Qorti. Il-Kummissarju tat-Taxxi jikkonferma li l-uffiċċju tiegħu ma għamilx investigazzjoni separata dwar dan il-każ.

L-Avukat Refalo staqsa lix-xhud jekk id-Dipartiment tat-Taxxa kienx esebixxa xi informazzjoni għall-inkjesta. Ix-xhud qal li d-dipartiment għamel hekk iżda li hu ma kienx xehed quddiem l-inkjesta.

Wara, tela’ fuq il-pedana tax-xhieda is-Supretendent Rennie Stivala mill-Economic Crime Unit, li kien investiga l-każ meta kien stazzjonat fl-FCID. Stivala qal li rejds koordinati tal-Pulizija kienu saru f’sitt postijiet fl-2020, fejn tagħmir elettroniku kien inqabad.

Inħareġ mandat ieħor jumejn wara fir-rigward ta’ fornituri ta’ servizzi tal-internet u data tal-ħażna tal-cloud li jista’ jkollhom data rilevanti fuq is-servers tagħhom. Huwa kien preżenti għad-deposizzjonijiet tax-xhieda waqt l-inkjesta, u spjega li ‘l fuq minn 100 xhud kienu taw ix-xhieda.

Is-Supretendent Stivala qal li meta kien qed jaħdem fid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet ta’ Reati Finanzjarji (FCID), il-każ għadda għandu mingħand id-Deputat Kummissarju Ian Abdilla. Kollox beda f’Ottubru tal-2020, fejn bdiet tfittxija mill-Pulizija fl-uffiċċji tal-kumpanijI Technoline, Nexia BT, kif ukoll fir-residenża ta’ Ivan Vassallo, Mario Victor Gatt, u David Joseph Meli. Waqt it-tfittxija, ġew elevati diversi tagħmir. L-apparat elettroniku tagħhom ġie sekwestrat mill-esperti Keith Cutajar u Martin Bajada.

Ix-xhud jikkonferma d-domanda tal-Prosekuzzjoni li l-dokumenti sekwestrati kienu qed jitpoġġew fl-atti tal-inkjesta mill-aktar fis possibbli. L-apparat sekwestrat kien mgħoddi għand l-esperti tal-Qorti. Wara xehed Anthony Scerri, Eks Spettur fil-Korp tal-Pulizija li kien stazzjonat l-FCID minn Ottubru tal-2020 sal-31 ta’ Awwissu 2022.

Huwa qal li parti mir-rwol tiegħu kien li jagħmel tfittxija f’garaxx li kien iservi bħala arkivju għall-kumpanija Nexia BT. Qal li meta kienet tintemm it-tfittxija, l-esperti riedu jiġu jixhdu l-Qorti b’dak li sabu. Huwa kompla jgħid li saret ukoll tfittxija f’residenza fix-Xgħajra li tappartjeni lil Pierre Sladden. Matul l-istess tfittxija ġew elevati u ppreżervati numru ta’ dokumenti.

L-Avukat Jason Grima kontroeżamina lix-xhud u staqsih dwar it-tfittxijiet li kien wettaq fuq Christopher Spiteri. “Kont taf li Spiteri kien diġà xehed erba’ darbiet quddiem il-maġistrat qabel it-tfittxijiet?”. Scerri kkonferma. Spiteri kien dejjem ikkopera mal-investigazzjoni. Il-Pulizija dakinhar ma kienet issuspettat lil Spiteri b’involviment f’xi reati, qal fi tweġiba għal mistoqsija oħra ta’ Grima.

Għalkemm mhux ċert minħabba li għaddew is-snin, Scerri qal li jemmen li Spiteri kien infurmat mill-maġistrat dwar id-dritt tiegħu li ma jirrispondix għal mistoqsijiet li jistgħu jinkriminawh. L-intervisti ġew irrekordjati fuq vidjo, żied jgħid.

F’kontroeżaminat mill-Avukat Giannella de Marco, huwa qal li hu ma kienx involut fl-investigazzjoni per se, u li l-kompitu tiegħu kien li joħroġ ċitazzjoni biex persuni jiġu interrogati mill-maġistrat. Għalkemm ma kienx marbut, Scerri qal li se jipprova jattendi kemm jista’ jkun mis-sessjonijiet ta’ interrogazzjoni.

Meta wieġeb mistoqsija ta’ Shazoo Ghaznavi, l-Eks Spettur tal-Pulizija, qal li mhux se jingħad dwar ir-rilevanza tad-dokumenti li qallu jaqbad. Il-maġistrat kien jiddiskuti x’evidenza kienet meħtieġa mal-grupp ta’ esperti barranin, li mbagħad jagħtu struzzjonijiet lill-Pulizija dwar x’għandu jfittex. “Konna ningħataw kelma prinċipali u konna naqbdu kull dokument fejn jidher.” L-esperti mbagħad jiddeċiedu x’għandhom iżommu u x’mhux.

L-Avukat Edward Gatt jistaqsi min kienu l-esperti. Ix-xhud qal li dawn kienu wieħed Irlandiż, li ismu ma setax jiftakar, flimkien ma’ tim ta’ erba’ rġiel li kien ġab miegħu. Jispjega l-mekkaniżmi ta’ kif it-tfittxijiet kienu se jiġu allokati lil gruppi ta’ uffiċjali.

Dr. Gatt jistaqsi jekk qattx ħadem ma’ dawn l-esperti partikolari fl-20 sena ta’ servizz tiegħu. Ix-xhud iwieġeb fin-negattiv. L-Avukat Vince Galea staqsa x’kienu l-keywords. Ix-xhud wieġeb li kienu tliet sekwenzi ta’ ittri, pereżempju KYC, li kellhom iseħħu fit-titlu jew f’oqsma speċifikati oħra fid-data. Kieku hekk, id-data tkun ippreservata.

L-avukat Vince Galea li qed jidher Joseph Muscat staqsa lix-xhud jekk meta saret it-tfittxija fl-uffiċċju tal-awditur Christoper Spiteri u ġew sekwestrati xi dokumenti, deherx isem Joseph Muscat. Scerri irrisponda fin-negattiv hekk kif qal li ma kienx ra isem Muscat, iżda ma jeskludix li l-persuni l-oħra li wettqu t-tfittxija raw ismu.

Għad-domanda tal-avukat difensur Vince Galea, ix-xhud kompla billi qal li kull dokument li kien jittratta l-ftehim tal-isptarijiet mar għand il-maġistrat inkwirenti. Galea staqsa għaliex dan kien il-każ, bix-xhud jikkonferma li qatt ma kien mgħarraf bir-raġuni.

Dwar it-tfittxijiet fid-dar ta’ Joseph Muscat, ix-xhud qal li qallu biex jagħmel it-tfittxija jumejn jew tlett ijiem qabel. Il-progress tal-investigazzjoni u l-passi li jmiss kienu jiġu rreġistrati f’excel sheet li kienet kondiviża mas-superjuri tiegħu.

Kull investigatur kien jagħti rendikont ta’ kull ġimgħa fl-ispreadsheet u jissottomettih lis-Supertendent u d-Deputat Kummissarju. Scerri qal li ma kienx jaf jekk id-data mbagħad ġietx miġbura f’repożitorju ċentrali.

Pressjoni fuq Eks Spettur dwar dak li ħarġet il-midja fuq it-tfittxija fid-dar ta’ Joseph Muscat

It-tfittxija fid-dar ta’ Muscat kienet ġiet posposta wara li rapport fil-midja żvela li kienet se ssir u għalhekk ġie deċiż li t-tfittxija ssir l-għada. Dr. Galea kien interessat ħafna fil-leaks lill-midja, u għafas lix-xhud dwat dan il-punt. “X’qaltlek il-maġistrat dwar dan?” huwa staqsa.

Il-prosekuzzjoni tirrimarka li dan ma kienx rilevanti għall-proċeduri, u l-Qorti tistaqsi x’qed jipprova jikseb permezz ta’ din il-mistoqsija. L-Avukat Galea jwieġeb li kien qed jiddubita l-validità tal-inkjesta, iżda li din kienet se tiġi fi stadju aktar tard. Il-maġistrat jistaqsi lix-xhud jekk kienx mistoqsi dwar il-leaks. Hu ma kienx, se jwieġeb.

Dr. Galea jistaqsi x’kienu għamlu l-esperti barranin waqt it-tfittxija fir-residenza ta’ Muscat u min kienu.
“Illum ma niftakarx isimhom, iżda konna qed infittxu oġġetti rilevanti.” Spjega li Joseph Muscat kien għadda d-dokumenti li talbu, b’mod partikolari kuntratt, iżda l-Pulizija kienet għadha kemm fittxet fid-dar kif kellha s-setgħa li tagħmel f’dak li għandu x’jaqsam mal-mandat.

L-Avukat Galea jagħfas dwar jekk l-esperti barranin kinux ipparteċipaw fit-tfittxija. L-ispettur qal li kienu għaddew sentejn minn dakinhar. L-esperti kienu eżaminaw il-kuntratt li għadda Muscat lill-Pulizija. L-Avukat Veronique Dalli staqsiet lix-xhud jekk l-isem Taomac Ltd kienx jidher fit-tfittxija. “Illum hija l-ewwel darba li qed nismagħha,” qal l-Eks Spettur, iżda ma setax jeskludi li kien ħareġ mix-xogħol ta’ uffiċjali oħra.

Saret talba wkoll mill-Prosekuzzjoni biex jekk xi ħadd ikun irid isiefer, irid jagħmel talba lill-Qorti u dawn fid-dawl tal-fatt għax hemm min fost l-akkużati qed jitfa’ filmati fuq il-midja soċjali bħallikieku “qiesu xi film fuq Netflix.”

Dawn il-kummenti ma tantx niżlu tajjeb mad-difiża ta’ Joseph Muscat, bl-Avukat Vince Galea jgħid li l-ebda wieħed mill-akkużati ma attakka lill-Prosekuzzjoni. Hawn komplew il-battibekki bejn l-Avukat Galea u l-Prosekutur Francesco Refalo.

Dr. Galea jirreferi wkoll għall-post ta’ Jason Azzopardi fuq Facebook, fejn dan qal li Joseph Muscat għandu titjira bbukkjata mat-Turkish Airlines li titlaq fis-7:15pm. tat-Tlieta stess. Huwa innota li Azzopardi semma wkoll Netflix, tentattiv biex issostni t-talba tiegħu li l-Avukat Ġenerali qed tagħmel. Il-Qorti tistaqsi lill-Avukat Galea jekk Muscat hux se jaqbad it-titjira llum. “Mhux illum,” wieġeb l-avukat.

Dr. Giannella de Marco opponiet ukoll it-talba, u sostniet li l-midja kienet ippubblikat l-ismijiet tal-klijenti tagħha qabel it-tressiq tagħhom, iżda dawn ma ppruvawx jaħarbu. Lanqas ma ppruvaw jinterferixxu mal-kors tal-ġustizzja, qalet.

Dr. Veronique Dalli wkoll tkellmet fuq l-istess binarju. Kompliet tgħid li hi inġusta li jekk xi ħadd jiddeċiedi li jikteb xi ħaġa mhux vera dwar il-klijent tagħha fuq il-midja, il-klijent tagħha ma jkunx jista’ jwieġeb, hija qalet.

Dr. Gatt jargumenta li l-leġiżlaturi riedu biss li din il-miżura tintuża biex jiġi żgurat li l-akkużati jidhru l-Qorti u ma jaħarbux. “Iżda llum, l-uniċi żewġ spetturi li xehdu qalu li ma raw xejn ħlief kooperazzjoni mill-akkużati.”

“Fis-snin tiegħi fil-Qorti qatt ma smajt li ssir talba bħal din, iżda fil-każ tal-klijenti tiegħi llum jogħġob lill-Avukat Ġenerali jużaha.” Huwa wkoll joġġezzjona li huwa inġust li l-klijenti tiegħu ma jitħallewx jirribattu l-allegazzjonijiet li saru kontrihom fil-midja.

L-Avukat Franco Debono qajjem it-talba ta’ Repubblika biex tidħol fil-każ bħala parte civile. “Ma stajtx nemmen meta l-Avukat Ġenerali ma kellu xejn xi jżid mat-talba li Repubblika tiġi ammessa bħala parte civile… iva jew le, għandu pożizzjoni jew m’għandux l-Avukat Ġeneralo x’jieħu?” staqsa Dr. Debono.

L-avukat ta’ Christopher Spiteri argumenta bl-istess mod. “M’hemm l-ebda raġuni biex jiġi evitat lil Christopher Spiteri milli jitkellem pubblikament dwarha anke permezz ta’ post fuq il-midja soċjali. Aktar minn erba’ snin ta’ inkjesta li swiet lin-nazzjon €11-il miljun. Ma nistax nifhem kif post fuq il-midja soċjali ta’ Spiteri jista’ jaffettwa l-każ,” qal l-Avukat Jason Grima,

Barra minn hekk, il-Pulizija u l-AĠ kienu qiesu lill-akkużati affidabbli biżżejjed biex jitressqu l-Qorti b’ċitazzjoni u mhux taħt arrest. “Dan inbidel mil-lum għal għada?” huwa staqsa. L-avukat ta’ MTrace Chris Cilia, isostni li l-artiklu tal-liġi ċċitata jitkellem biss fuq il-konvenut, li hija l-kumpanija iżda mhux ir-rappreżentanti tagħha, u għalhekk kull digriet eventwali ma jorbothomx.

L-Avukat Arthur Azzopardi jgħid lill-Qorti li qed jadotta s-sottomissjonijiet ta’ Dr. Gatt fir-rigward tal-klijenti tiegħu. L-Avukat Shazoo Ghaznavi qal li l-klijent tiegħu, Conger-Thompson, huwa l-uniku ċittadin mhux Malti u ilu residenti hawn għal ħafna snin. Meta sar jaf bl-akkużi, huwa kien ikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija. “Kieku ried jaħrab kien jagħmel hekk żmien ilu.”

Hu argumenta li l-għażla tal-Qorti b’taħrika hija riflessjoni tar-rikonoxximent tal-AG tal-affidabbiltà tal-konvenuti. “Li niġi hawn illum, l-ewwel seduta, wara li kull akkużat kien ħareġ… għaliex? Hemm raġuni partikolari?”

Dwar it-talba biex l-imputati ma jitħallewx jitkellmu dwar il-każ,, huwa qabel mal-osservazzjonijiet tal-Avukat Dalli. Il-prosekuzzjoni min-naħa tal-AĠ qalet li huma qed jagħmlu xogħolhom għal ġid tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Qal li hu bl-ebda mod mhuwa qed jgħid li l-midja ma tagħmilx xogħolha.

Fil-fatt il-Prosekutur Francesco Refalo ċċara li “b’dikjarazzjonijiet pubbliċi” il-prosekuzzjoni kienet tfisser “dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar dan il-każ”. Huwa indirizza l-allegazzjoni ta’ Dr. Debono dwar il-prosekuzzjoni li qed titmexxa minn terzi persuni oskuri.

“Huwa diffiċli li wieħed jemmen li qed niġu ggwidati minn xi ħadd minn wara l-kwinti. Irrid inkun ċar li qed naħdmu mingħajr ebda indħil, skont il-Kostituzzjoni. Hija allegazzjoni serja li trid tiġi miċħuda.” Ikompli jiċċara li dan ma jfissirx li l-midja m’għandhiex tirrapporta dwar il-proċeduri.

It-tim tad-difiża hu komposta mill-Avukati Stefano Filletti, Jason Grima, Arthur Azzopardi, Sean Zammit, Mark Vassallo, Edward Gatt, Marion Camilleri, Franco Debono, Chris Cilia, Dean Hili, Veronique Dalli, Andrè Portelli, Giannella de Marco, Charles Mercieca, Stephen Tonna Lowell, Vincent Galea, Rachel Powell, Charlon Gouder, Dominic Micallef, Ishmael Psaila u Etienne Borg Ferranti, Shazoo Ghaznavi, David Bonello, Alex Scerri Herrera, Jessica Formosa u Jeannine Depasquale.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati tal-AĠ Francesco Refalo, Rebekah Spiteri, Shelby Aquilina u Anthony Vella, is-Supretendenti Fabian Fleri u l-Ispetturi Hubert Cini u Wayne Rodney Borg.

Il-kawża se tkompli fit-13 ta’ Ġunju u d-19 ta’ Ġunju li ġej dejjem fil-11am.