Internazzjonali

L-Irlanda, in-Norveġja u Spanja ilkoll jirrikonoxxu lill-‘Istat tal-Palestina’

L-Irlanda, in-Norveġja u Spanja qalu li qed jirrikonoxxu l-Istat tal-Palestina – u fejn qed jittamaw li d-deċiżjoni tixpruna proċess politiku li jwassal għal soluzzjoni soda u permanenti għall-kriżi attwali f’Gaza u r-reġjun tal-Lvant Nofsani.

Madankollu dawn il-pajjiżi qed jaqblu li s-soluzzjoni tista’ tintlaħaq biss jekk Iżrael u l-Palestinjani jsibu u jiffissaw ftehim fuq numru ta’ punti li għandhom ikunu determinanti għall-eżistenza ta’ Stat Palestinjan viċin ta’ Iżrael.

Il-problema, iżda, hi li r-rikonoxximent ta’ Stat Palestinjan minn dawn it-tlett pajjiżi, fil-parti kbira, hu ġest simboliku u ma jindirizzax b’mod konkret il-vera issues li qed iferrxu l-ħuġġieġa ta’ Gaza lejn bnadi oħra tal-Lvant Nofsani.

Sallum ħadd ma jaf fejn għandhom ikunu stabbiliti l-fruntieri għal Stat tal-Palestina. Lanqas mhi magħrufa l-lokalità potenzjali għall-kapitali tal-Istat Palestinjan u meta ħadd ma jaf b’liema blueprint għandhom ikunu realizzati dawn it-tragwardi.

Fil-verità dawn huma issues li ilhom mingħajr tweġiba għal għexieren ta’ snin u l-Palestinjani residenti f’Gaza u x-Xatt tal-Punent iridu jaċċettaw li r-realtà mal-art mhix mistennija tinbidel drastikment ‘il quddiem.

Intant, l-Irlanda, Spanja u n-Norveġja qalu li qed jirrikonoxxu lill-Palestina bħala Stat sovran u indipendenti u li jippermetti għat-twaqqif ta’ relazzjonijiet diplomatiċi sħaħ bħala riżultat naturali tal-proċess…Proċess li huma fissru bħala kwistjoni ta’ ġustizzja storika li għandha tifforma bażi għall-paċi.

In-Norveġja ħarġet stqarrija fis-sens li qed tqis ir-riknoxximent tal-Istat Palestinjan  bħala ‘jum speċjali’, bil-Ministru tas-Saħħa Norveġiż, Espen Barth Eide, jgħid li pajjiżu dejjem insista u promwova l-kunċett ta’ Stat tal-Palestina indipendenti u bħala politika li baqgħet konsistenti għal aktar minn 30 sena.

Fl-istess ħin, dan il-pajjiż, l-Irlanda u Spanja qed jaqblu li s-soluzzjoni bażata fuq żewġ Stati – ta’ Iżrael u l-Palestina —  hi l-unika triq ‘il quddiem biex il-popli rispettivi jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà.