Lokali Qorti

Sigurtà kbira fil-Qorti: Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Keith Schembri u oħrajn se jkunu mixlija b’ħasil ta’ flus, korruzzjoni u tixħim

Sa minn kmieni dalgħodu s-sigurtà ġewwa l-bini tal-Qorti hija waħda massiva hekk kif għall-ħabta tal-11.30am Joseph Muscat għandu jwieġeb għall-akkużi ta’ korruzzjoni, li jfisser li se jkun l-ewwel persuna li okkupa l-kariga li se jkun qed jiffaċċja akkużi kriminali.

Fil-Qorti ġew assenjati mal-50 uffiċjal tas-sigurtà aktar mis-soltu bit-tensjoni diġà bdiet tidher sa mis-7.30am. L-Eks Prim Ministru Joseph Muscat se jkun mixli flimkien mal-Eks Ministru Konrad Mizzi u l-Eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembri flimkien ma’ diversi persuni oħra.

Il-Pulizija diġà tinsab fuq allert minħabba l-biża’ li t-tensjoni tista’ tispiċċa barra mill-kontroll meta l-partitarji Laburisti mistennija jinġabru biex jappoġġjaw lil Muscat barra mill-Qrati. Dan aktar u aktar wara l-appell li sar minn diveri persuni, fosthom Manuel Cuschieri u Jason Micallef.

Il-partitarji huma msejħa l-Belt Valletta fl-10am, għalkemm mad-9am diġà kienu qegħdin jinġabru xi nies barra l-bini tal-Qorti. L-akkużi mistennija jibdew siegħa u nofs wara (11.30am), f’alwa 22 fejn isiru każijiet ta’ ċerta portata bħal ġurijiet. Il-Maġistrat se tkun Rachel Montebello.

Preżenza qawwija tal-Pulizija barra l-Qorti hija wkoll f’aktar numru mis-soltu hekk kif l-Eks Prim Ministru. Muscat se jkun qed jiffaċċja sensiela ta’ akkużi, fosthom ħasil ta’ flus, korruzzjoni, tixħim, u twaqqif ta’ organizzazzjoni kriminali.

Il-koakkużati tiegħu se jinkludu l-Eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Eks Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi. Il-każ idur madwar ftehim ta’ €4 biljun iffirmat mill-Gvern ta’ Muscat biex it-tmexxija ta’ tliet sptarijiet pubbliċi tgħaddi f’idejn suspettati frodisti.

Kien grazzi għall-PN li l-poplu ma baqax jiġi misruq meta l-kawża li saret mill-Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fejn instab li kien hemm kollużjoni fid-deal frawdolenti tal-isptarijiet. Vitals Global Healthcare ngħatat il-konċessjoni fl-2015, fuq wara ta’ dak li l-investigaturi jallegaw li kien proċess ta’ sejħiet għall-offerti mqabbad.

Muscat, Mizzi u Schembri huma kollha suspettati li bbenefikaw illeċitament minn “political support fund” imwaqqaf minn Steward Health Care, li ħa f’idejh il-konċessjoni mingħand Vitals fl-2018. It-tlieta jiċħdu l-għemil ħażin. Apparti t-tliet uffiċjali tal-gvern, se jiġu mixlija wkoll netwerk ta’ 20 individwu u kumpanija oħra.