Lokali

Abela jgħid li l-establishment qed itella’ n-nies il-Qorti

Kważi inkredibbli. Fil-gimgħa li fiha l-aħbarijiet dominati mis-serqa tal-isptarijiet… Abela qed jgħid li l-Partit Labursita investa fis-saħħa; diskors li kompletament injora dak li qed jiġri madwaru fejn qed jitressqu l-Qorti niesu stess. Inkluż il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali u d-Deputy Leader tal-partit tieghu.

Robert Ablela qal li l-establishment qed joħloq l-inkwiet u jtella’ n-nies il-Qorti, hekk kif inkredibbilment kompla jxerred fake news dwar kif seħħew l-affarijiet. Iżda l-fatti huma ċari – Joseph Muscat kien jaf bil-ħadma minn qabel iffirma d-deal tal-isptarijiet. Kienu jafu wkoll bil-frodi l-Eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne u hu stess. Madanakollu, Abela qed ikompli jinjora x-xogħol tal-Maġistrat Vella u jmeri wkoll il-ħidma tas-sistema tal-ġustizzja, li minn naħa tagħha kkonfermat l-ordni ta’ ffriżar tal-assi.

Intant Robert Abela kompla bir-retorika dwar l-importanza li n-nies jivvutaw lilu, hekk kif ta x’jifhem li min ma jivvutax għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli jkun qed jivvotta kontrih.

Dan waqt li kompla jbeżża’ bil-babaw tal-establishment li ħoloq hu stess waqt li temm id-diskors tiegħu jgħid li għandu bżonn l-għajnuna.

Waqt din l-attività tkellem ukoll il-kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Jesmond Marshall li għamel diskors kalm u seren, sakemm indirizza lill-istazzjon Net Television – fejn hemmhekk għażel li jibdel it-ton tiegħu u jinfexx jgħajjat li hu Soċjalist.

Minn naħa l-oħra, il-kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Daniel Attard tkellem dwar kif għall-Partit Laburista Malta hija l-ewwel u qabel kollox. Dan meta tal-Labour – kif jixhdu l-akkużi fil-Qorti – kienu konfoffa mal-barranin, u ħadmu kontra l-interessi tal-pazjenti u tac-cittadin Malti.