Lokali

Aġġornamenti kontinwi mill-awla 22 b’rabta mas-serqa Vitals

Illum se jkunu qed jaffaċċjaw diversi akkużi Chris Fearne, Edward Scicluna, u Ronald Mizzi fost 14-il persuna u żewġ kumpaniji, fosthom ditta legali

22:17 Tiġi fi tmiemha s-saga ta’ iktar minn 11-il siegħa fl-awla 22 – Net News jirringrazzjakom li kontu magħna għal dawn is-siegħa kollha

22:15 Il-Maġistrat iċanfar lill-Prosekuzzjoni li qatt ma misshom qabżu milli jinnotifikaw għall-iżbalji li saru

22:13 Il-kawża qed tiġi differità għall-11 ta’ Ġunju fil-11 am

22:10 Il-Maġistrat jitlob lill-avukati difensuri għal massimu ta’ 30 minuta biex jiġi magħluq il-kapitlu ta’ notifika

22:05 Is-seduta tkompli – id-Difiża titlob lill-Maġistrat biex iwaqqaf is-seduta hekk kif ilhom għaddejjin 11-il siegħa

21:45 Il-Maġistrat jissospendi s-seduta għat-8 darba

21:39 Ikompli għaddej il-ħin u jibqa’ jsir l-istess argument miż-żewġ partijiet – ma jidhirx li se nkunu qed naslu għal tmiem din is-seduta fil-ħin qarib meta tikkunsidra li baqa’ jgħaddi digriet dwar l-iffriżar tal-assi.

Il-Maġistrat ilu jwissi li din is-seduta mhix se tiġi fi tmiemha qabel jgħaddu d-digrieti kollha dwar il-punti meħtieġa, inkluż l-iffriżar tal-assi.

21:32 Id-Difiża qed tibqa’ tinsisti li għadhom imwaħħlin minħabba għadd ta’ żbalji li saru fir-rapport ta’ akkużi

21:25 Jirritorna l-Maġistrat fl-awla 22

21:02 Il-Maġistrat jissospenda għas-7 darba

21:00 Issa għaddew 10 sigħat mill-bidu tas-seduta u jidher li d-Difiża qed tħoss li għandha toġġezzjona għal kollox – bil-Prosekuzzjoni u d-Difiża jgħajtu ma’ xulxin, u l-Maġistrat kontinwament isikkithom

20:35 Il-Maġistrat jerġa’ jidħol fl-awla – ikomplu l-istess argumenti li kienu qed isiru sigħat ilu

20:27 Il-Qorti tissospendi mill-ġdid

20:25 Il-Prosekuzzjoni twieġeb li f’dan l-istadju żgur mhix se tirtira l-akkużi ta’ DF advocates

20:24 Id-Difiża titlob li l-akkużi kontra DF advocates jiġu rtirati hekk kif m’hemmx persuna tirrapreżentaha li tista’ twieġeb għall-eżami

20:19 Tkompli s-seduta

20:07 U quddiem dan l-argument, il-Qorti mill-ġdid issejjaħ għal sospensjoni – din hi l-ħames darba f’9 sigħat li s-seduta ġiet sospiża

20:02 L-avukat Ezekiel Psaila jsaqsi lill-Prosekuzzjoni min suppost għandu jwieġeb jekk hux ħati jew le għall-mistoqsija li saret għall-kumpanija DF advocates hekk kif argumenta li din hi sempliċiment ditta legali u mhux entità legali – l-avukat Refalo f’isem il-Prosekuzzjoni qal li għal-liġi, dawn huma entità

19:51 Il-bqija tal-akkużati jwieġbu wkoll kollha kemm huma mhux ħatja

19:51 Iqum Ronald Mizzi – iwieġeb mhux ħati

19:49 Iqum bilwieqfa Edward Scicluna – iwieġeb mhux ħati

19:47 Iqum bilwieqfa Chris Fearne – iwieġeb mhux ħati

19:46 Il-Qorti tappella sabiex jimxu għall-eżami

19:40 Il-Maġistrat wissa li din il-parti trid tingħalaq illum u b’hekk se jkunu qed ikomplu sakemm ilestu – twissija sabiex la d-Difiża u lanqas il-Prosekuzzjoni ma ttellef għalxejn sabiex is-seduta tiġi fi tmiemha kemm jista’ jkun malajr

19:39 Meta taħseb li se timxi pass ‘il quddiem imma minflok tieħu erbgħa lura – Il-Maġistrat jerġa’ jitlobhom ipoġġu hekk kif wieħed mill-avukati qam biex jagħmel punt tiegħu – din diġa’ kienet it-tieni darba li l-akkużati ntalbu jqumu u jerġgħu jpoġġu minħabba interruzzjonijiet minn naħa tad-Difiża

19:38 Il-Maġistrat jerġa’ mill-ġdid jitlob lill-akużati jqumu bilwieqfa

19:36 L-avukat Demarco tipproċedi billi ssaqsi l-mistoqsija, bl-Ispettur jgħid li hu raha l-konklużjonijiet tal-Inkjesta Maġisterjali u ħareġ ir-rapport li fih hemm l-akkużi

19:33 Fuq domanda illi saret mill-avukat Demarco għar-rigward dwar kif l-Ispettur iffirma għall-akkużi, il-Qorti qalet li qed tippermetti li ssir din id-domanda

19:17 L-Ispettur Wayne Rodney Borg, li huwa wieħed mill-firmaturi tal-akkużi, jintalab imur fuq il-pedana tax-xhieda biex jiġi mistoqsi għadd ta’ mistoqsijiet mid-Difiża bħala parti mill-Kontro-Eżami – huwa wieġeb li rapport qatt ma sar u minflok serraħ fuq l-Inkjesta Maġisterjali

Dan jagħtina x’nifhmu li l-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafa naqas milli jinvestiga d-deal frawdolenti ta’ Vitals tant li kellha tkun l-Inkjesta Maġisterjali li tikxef x’verament kien qed jiġri b’rabta ma’ dan id-deal

19:14 Il-Qorti, wara li semgħet is-sottomissjonijiet, iddeċidiet li ma tarax kif l-uffiċjali tal-Pulizija jistgħu jikkonfermaw x’seħħ u ma seħħx – fuq talba li saret mill-Maġistrat, il-Qorti se tkun qed tisma’ xhieda tal-Pulizija dwar jekk sarx eżami f’rapport

19:08 Il-Maġistrat jistaqsi lill-Prosekuzzjoni jekk għandix rapport tal-Pulizija f’dawn il-proċeduri, din twieġeb fin-negattiv hekk kif tgħid li minflok hemm l-Inkjesta Maġisterjali b’rabta ma’ Vitals

18:47 L-awla terġa’ teħel hekk kif mill-ġdid bdew l-argumenti bejn iż-żewġ partijiet – l-akkużati għad ma kellhomx ċans biex ilissnu kelma wara kważi 8 sigħat

18:36 Jekk l-akkużati jwieġbu ħatja dan ikun ifisser li tinqata’ sentenza kontrihom u j iwieġbu mhux ħatja, f’dan il-każ jibdew il-proċeduri kriminali kontrihom

18:34 Il-Maġistrat jispjega lill-akużati l-proċedura li jmiss fejn huma mhumiex obbligati li jwieġbu l-mistoqsijiet b’rabta mal-akkużi tagħhom li se jkunu qed isirilhom tant li għandhom id-dritt tas-silenzju f’dan l-istadju – huma mistennija jwieġbu humiex ħatja jew le tal-akkużi miġjubin kontrihom ukoll

18:32 Il-Qorti qalet li semgħet it-talbiet li saru u tiddeċiedi li tiċħad it-talba

18:30 Il-partijiet kollha jissejħu lura fl-awla

18:01 Is-seduta mill-ġdid sospiża għal ħin mhux magħruf

18:00 Issa għaddew 7 sigħat u għadna ma smajnix lill-akkużati x’iwieġbu għall-akkużi

17:57 Id-Difiża tkompla targumenta li l-akkużi moqrija huma sempliċiment “ivvintati bla ebda xhieda tagħhom” u fid-dawl ta’ dan qed tirrifjuta li tħalli lill-akkużati jitilgħu jixhdu

17:44 Id-Difiża qed toġġezjona għal din id-deċiżjoni tal-Qorti

17:41 Il-Maġistrat Leonard Caruana ddeċieda li jiċħad it-talba għal kontro-eżami lill-Prosekuzzjoni sabiex tiġi mistoqsija minn fejn ġew l-akkużi u ċ-ċifri tal-assi ffriżati

17:32 Il-Qorti ċċanfar lid-Difiża talli qed ittawwal mill-ġdid u tfakkar kif diġa’ tat ħafna ħin biex jargumentaw il-parti tagħhom

17:18 Id-Difiża tagħmel talba sabiex l-avukati jsaqsu lill-Prosekuzzjoni kif waslu għall-akkużi li ġew ippreżentati

17:15 Id-Difiża terġa’ twaqqaf lill-Qorti biex tagħmel talba oħra

17:14 Jiġi fi tmiemu l-qari tal-akkużi

16:53 Wasal il-mument – Wara kważi sitt sigħat jibdew jinqraw l-akkużi

16:52 F’dan l-istadju, il-Qorti qalet li qed tiċħad it-talba tal-avukat Debono u allura jinqraw l-akkużi

16:51 L-avukat Debono qal li hu kulma qed jitlob li ma jkunux f’limbu dwar dak li qed iseħħ fil-Qorti

16:48 Ma jidhirx li l-avukati tal-imputati l-oħra qed jagħmlu l-istess talba tal-avukat Debono f’isem Deguara biex l-akkużi ma jinqrawx u allura qed jingħata x’jifhem li t-talba qed issir biss għall-akkużi ta’ Deguara

16:40 Il-Prosekuzzjoni, minn naħa tagħha, qalet li l-qari tal-akkużi mhu qed jikser l-ebda ksur ta’ liġi – l-avukat Francesco Refalo, għan-nom tal-Avukat Ġenerali, qal dan meta wieġeb għat-tweġibiet tad-Difiża

16:29 Id-Difiża titlob rikors kostituzzjonali sabiex dawn l-akkużi ma jinqrawx illum – l-avukat Franco Debono, għan-nom ta’ Kenneth Deguara (bl-Inkjesta tisħaq l-iffriżar ta’ €14,000,000) qal li din il-pożizzjoni hi waħda “redikola u inġusta” hekk kif huwa qies li dan mhux smigħ xieraq ladarba jinqraw l-akkużi filwaqt li kompla li hu jrid l-ewwel ikun jaf x’hemm fil-provi tat-78 kaxxa biex ikun jista’ jiddefendi lill-imputat

16:28 Jirritorna l-Maġstrat u jistaqsi l-pożizzjoni tad-Difiża

16:17 Pawża oħra ta’ ftit minuti biex id-Difiża u l-Prosekuzzjoni jiddiskutu dwar x’inhu l-pass li jmiss

16:10 Il-Qorti taqra d-digriet – Il-Maġistrat ħa d-deċiżjoni li jinqraw l-akkużi

16:09 L-avukat Debono qal li ladarba huwa jingħata kopja ta’ digriet, kif fil-fatt seħħ, huwa se jagħmel rikors kostituzzjonali – dan ifisser li d-Difiża qed tisfida d-deċiżjoni tal-Qorti u trid tmur għand l-għola Qorti

16:08 Il-Qorti issejjaħ digriet u tiċħad it-talba li saret filwaqt tgħid li l-akkużi għandhom jinqraw

15:55 Il-ġurnalisti reġgħu ħadu posthom fuq ġewwa tal-awla

14:32 Is-seduta ġiet aġġornata għal siegħa sakemm il-Maġistrat jiddeċiedi jekk l-akkużi hux se jinqraw illum jew le

14:21 Jekk xi ħadd qatt kellu dubju li din is-seduta mhix se tkun waħda twila, l-avukat Debono tista’ tgħid li kkonferma dan hekk kif ddikjara li beħsiebu jikkontesta kwalunkwe ordni ta’ ffriżar u jwissi li qed jinkisru d-drittijiet tal-akkużati jekk se jiċċaħħdu mill-propjetà tagħhom mingħajr ma jkunu jafu x’evidenza hemm kontrihom

14:00 Saga li ma trid tispiċċa qatt – is-seduta ilha li bdiet tliet sigħat u s’issa kulma rajna kienu argumenti bejn id-Difiża u l-Prosekuzzjoni – U bażikament għadha ma nqratx imqar akkuża waħda li hi waħda minn 12-il paġna tad-dokument ta’ akkużi

13:41 Tingħata l-ispazju għall-argumenti tagħha l-Prosekuzzjoni – tgħid li qatt ma kisret l-ebda drittijiet fundamentali tal-imputat

13:38 Id-Difiża tkompli tinsisti li jeħtieġ jiġu ndirizzati dawk meqjusa rregolaritajiet qabeż jinqraw l-akkużi

13:33 L-avukat Debono jgħid lill-Qorti illi jekk jinqraw l-akkużi, d-difiża mhux ser ikollha biżżejjed żmien biex tistudja l-evidenza

13:26 L-avukat Franco Debono, f’isem id-Difiża, talab li qabel ma jinqraw l-akkużi, il-Prosekuzzjoni timxi skont id-digriet tal-Maġistrat Caruana li sar fl-20 ta’ Mejju fl-interess tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja u b’rispett lejn id-dritt għal smigħ xieraq

13:25 Il-Maġistrat Caruana qal li l-argumenti u t-talbiet tal-avukati ilu li fehemhom “12-il minuta ilu” u għalhekk talabhom biex imexxu l-argumenti finali

13:12 Evidentament il-frustrazzjoni ta’ dawk preżenti, inkluż il-Maġistrat hekk kif għadhom qed jingħadu l-istess talbiet

13:10 Il-Qorti ċċanfar il-fatt li qed isiru argumenti ripetuti b’riżultat li l-affarijiet mhux qed jimxu ‘l quddiem – fil-fatt, għaddew iktar minn sagħtejn wara u għadhom lanqas biss bdew jinstemgħu l-akkużi tal-imputati

12:58 L-avukat Debono qal li hemm bosta irregolaritajiet fil-każ fosthom li wħud mill-akkużati qatt ma ġew avżati li kienu qed jitqiesu bħala suspettati, qatt ma ġew avżati bl-evidenza kontrihom u ma ngħatawx għajnuna legali – l-avukat Stefano Filletti jagħmel l-istess rimarki ta’ Debono

12:55 Kwarta wara li reġgħet kompliet is-seduta, għadhom għaddejjin l-argumenti bejn iż-żewġ partijiet

12:51 Il-Maġistrat talab biex jgħaddu għall-qari tal-akkużi iżda l-avukat Debono oġġezzjona għal dan hekk kif kien baqalu iktar punti x’jgħid lill-Qorti

12:46 L-avukat Franco Debono jgħid li d-Difiża għandha xi “osservazzjonijiet x’tagħmel” u jgħid li l-Prosekuzzjoni żiedet xi ħaġa f’paġna 9 tal-lista tal-akkużi tant li saħaq li jeħtieġ li l-każ ikun wieħed ċar. Hu żied li l-Prosekuzzjoni kienet aċċertat li mhix se żżid mal-lista

Debono qal li oriġinarjament l-Prosekuzzjoni qalet li ma żdied xejn iżda mill-osservazzjoni li għamlu l-avukati jidher li dan ma kienx minnu tant li nnutaw xi żieda

12:40 Jirritorna kulħadd f’postu u tkompli s-seduta

12:20 Il-Prosekuzzjoni ma toġġezzjonax għat-talba tal-avukat Franco Debono biex iqabblu t-tibdul fl-akkuż, bil-Qorti tilqa’ din it-talba – Id-Difiża tingħata 20 minuta għal dan

12:10 Sakemm tintlaħaq xi forma ta’ qbil, Net News jinsab infurmat li erba’ persuni u ż-żewġ kumpaniji għandhom il-miljuni ta’ ewro ffriżati kull wieħed u b’hekk ‘il quddiem mistennija li jiddiskutu dan.

Apparti dan Chris Fearne qed jiġi akkużat f’ismu personali u fil-kapaċità tiegħu ta’ Deputat Prim Ministru mill-2017 sal-ġurnata tal-lum, u Ministru tas-Saħħa mill-2016 sa Jannar 2024, Edward Scicluna fil-kapaċità tiegħu ta’ Ministru tal-Finanzi mill-2013 sal-2020, u Ronald Mizzi fil-kapaċità tiegħu ta’ Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tal-Enerġija u Saħħa mill-2014 sal-2016 u Segretarju Permanenti fi ħdan l-uffiċċju tal-Prim Ministru għall-enerġija u proġetti mill-2016 sal-2017 u Segretarju Permanenti fi ħdan il-Minsiteru tat-Turiżmu mill-2017 sal-2020.

Scicluna u Mizzi għadhom qed iżommu pożizzjoni pubblika f’kariga importanti tant li la rriżenjaw u wisq inqas intervjena l-Prim Ministru, Robert Abela biex jitneħħew mill-pożizzjoni tagħhom. Fearne kien irriżenja minn deputat Prim Ministru iżda xorta waħda baqa’ fl-irwol ta’ deputat mexxej tal-Partit Laburista.

12:00 Siegħa wara u għadhom qed isiru l-istess argumenti miż-żewġ partijiet – F’kelma oħra, għadna ma wasalnix għall-iktar ħaġa bażika, dik li jinqraw l-akkużi għal kull persuna

11:51 L-avukat Franco Debono għamel żewġ talbiet quddiem il-Qorti sabiex ikun ikkunsidrat il-fatt li d-dokument il-ġdid jitniżżel fir-reġistru kif normalment isir u wkoll il-fatt li żdiedet ċitazzjoni fuq id-dokument preċedenti bla ebda notifika

11:45 S’issa għaddew tliet kwarti u l-avukati tal-akkużati u l-Prosekuzzjoni għadhom qed jargumentaw għaliex waħda mill-akkużi tneħħiet mid-dokument tal-akkużi

11:41 L-avukat Franco Debono qed iqis dan il-pass bħala frott l-għaġla; huwa qal li l-akkużi ma jistgħux jiġu ppreżentati bla ma jiġu rreġistrati għaliex dan jikser id-drittijiet tal-akkużati

11:40 Skont dak li qed jintqal fl-awla, l-Avukati qed jisħqu li l-ewwel kellhom 13-il paġna ta’ akkużi u issa ġew ippreżentati bi 12-il paġna u b’hekk qalu li ma jistgħux joqgħodu fuq il-kelma tal-Prosekuzzjoni

11:36 Ġurnalisti fuq barra tkellmu magħna li t-toroq quddiem il-Qorti huma pjuttost kwieti, bi Chris Fearne u Edward Scicluna ma jsibu lil ħadd li jtuhom sapport qabel daħlu fil-binja – dan b’differenza għall-bieraħ meta kien hemm miġemgħa qabel Muscat, Mizzi u Schembri daħlu l-Qorti biex jaffaċjaw diversi akkużi

11:34 Il-prosekuzzjoni infurmat lill-Qorti li tixtieq tippreżenta dokument b’akkużi ġodda

11:32 Iż-żewġ partijiet mhumiex jaqblu fejn l-akkużi għandhom jiġu rreġistrati

11:28 L-avukat Franco Debono jitlob ftit ħin biex ikunu jistgħu jduru sew l-akkużi

11:20 Għal dawn l-aħħar minuti, l-avukat Franco Debono qed joġġezzjona mal-Maġistrat li jiġu ppreżentati akkużi ġodda mill-Avukat Ġenerali; akkużi li ġew ippreżentati “fl-aħħar minuti” bla ma ngħataw ċans iduruhom sew tant li qed jitlob li jevalwa x’inbidel u ma nbidilx minn dawn l-akkużi

11:10 Is-Supretendent, Hubert Cini u l-Ispettur Wayne Rodney Borg huma l-Prosekuzzjoni, assistiti mill-Prosekuturi Francesco Refalo, Rebekah Spiteri u Shelby Aquilina mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali

11:07 Fl-awla, apparti l-akkużati, hawn 11-il avukat sabiex jassistuhom, li huma l-avukati Ezekiel Psaila, Jonathan Thompson, Joseph Mizzi, Franco Debono, Stefano Filletti, Maurice Meli, Michael Sciriha, Charles Mercieca, Steven Tonna Lowell, Giannella de Marco u Arthur Azzopardi

11:05 Edward Scicluna u Chris Fearne huma assistiti mill-Avukat Stephen Tonna Lowell

11:02 Fuq barra tal-Qorti, ġurnalist tagħna, Francesco Catania qalilna li Chris Fearne, għal mistoqsijiet tal-ġurnalisti kemm dawk lokali u anke internazzjonali qal li hu mhux se jitkellem ma’ nies fit-triq iżda se jgħid li għandu xi jgħid fl-awla

11:00 Il-Maġistrat Leonard Caruana jidħol fl-awla u jagħti bidu għal din is-seduta fejn wissa kif għandhom jimxu l-affarijiet fis-sigħat li ġejjin hekk kif preżenti hawn għadd ta’ persuni, kemm ġurnalisti, avukati u anke l-avukati, fost oħrajn

X’se jkun qed jiġri mal-jum f’awla 22?

Net News se jkun qed jaġġornakom kontinwament minn ġewwa awla 22 mill-ġurnalisti Ray Abdilla u Christine Mamo.

L-Eks Deputat Prim Ministru, Chris Fearne, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, Edward Scicluna, is-Segretarju Permanenti attwali, Ronald Mizzi flimkien ma’ diversi persuni oħra se jkunu qed jitressqu l-Qorti, quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana għall-ħabta tal-11am.

Huma se jiġu akkużati fost oħrajn b’rabta ma’ każ ta’ frodi b’rabta fuq il-każ tal-isptarijiet, wara li lbieraħ tressqu 14-il persuna oħra fosthom l-Eks Prim Ministru, Joseph Muscat, l-Eks Chief of Staff tiegħu, Keith Schembru u l-Eks Ministru, Konrad Mizzi, f’sigurtà liema bħala, dalgħodu taħt sitwazzjoni aktar kalma se jitressqu aktar persuni.

Fearne u Scicluna, kif ukoll dawk kollha akkużati magħhom, għandhom jiġu akkużati bi frodi u li kienu jafu bil-qerq li kien qed isir u ma aġġixxewx kif kellhom id-dmir li jagħmlu. Huma qed jiffaċċjaw ukoll akkużi ta’ misapproprjazzjoni.