Lokali

“Attakk kundannabbli fuq il-Prosekutur u l-Maġistrat” – PN

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-attakk li l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard għamel fil-konfront tal-Prosekutur li qed imexxi l-każ fil-Qorti kontra Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Keith Schembri u għadd ta’ persuni oħrajn, kif ukoll fil-konfront tal-Maġistrat li qed tisma’ l-każ.

Karol Aquilina, ix-Shadow Minister tal-Ġustizzja, spejga li l-Maġistrat laqgħet it-talba tal-Prosekutur u ordnat li l-akkużati m’għandhomx jikkummentaw fil-pubbliku dwar ix-xhieda u l-provi li jitressqu quddiemha, bil-Ministru Jonathan Attard dawwar il-kanuni tiegħu fuqhom.

Din hi l-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna li għandna Ministru għall-Ġustizzja li, pubblikament u mingħajr mistħija ta’ xejn, qed jeħodha qatta’ bla ħabel kontra l-Prosekutur u kontra l-Maġistrat li qed iservu lill-Istat fl-akbar każ ta’ korruzzjoni li qatt ra pajjiżna, sostna Aquilina.

Karol Aquilina kompla jgħid li hu evidenti li l-Ministru Jonathan Attard mhux kuntent b’dawk li qed ikunu leali lejn il-poplu u lejn il-ġurament li ħadu u qed jipprova jindaħlilhom u jinfluwenzahom biex jipproteġi lil dawk li qed ikunu akkużati li wettqu l-akbar frodi fil-konfront tal-poplu Malti u Għawdxi.

Kif wera f’diversi okkażjonijiet oħrajn, il-Ministru Jonathan Attard mhux iġib l-ewwel l-interess tal-Istat u tal-istituzzjonijiet tiegħu. Minflok, qed jirrendi ruħu kompliċi ma’ Joseph Muscat fl-attakk orkestrat u kkordinat minnu u minn Robert Abela fuq il-ġudikatura u fuq dawk kollha li qed jaħdmu biex issir ġustizzja f’pajjiżna.

Din l-imġiba mhix aċċettabbli f’demokrazija u hi għalkollox kundannabbli. Jonathan Attard għandu jieqaf jagħmel ħsara lis-sistema tal-ġustizzja ta’ pajjiżna, temm jgħid Karol Aquilina.