Quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana tressqu żewġ Eks Ministri anzjani u tliet Segretarji Permanenti li qed jiffaċċjaw akkużi b’rabta mal-iskandlu tal-isptarijiet fil-jum ta’ l-Erbgħa. Kienu l-Eks Viċi Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u l-Eks Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, li fil-preżent jokkupa l-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Każ maratona li beda fil-11am u dam sejjer sa kważi l-10.30pm.
F’kawża maratona il-persuni komplew jitressqu wara li ġiet fi tmiemha l-inkjesta Maġisterjali dwar it-tliet sptarijiet. Huma qed jiġu akkużati fost oħrajn b’rabta ma’ każ ta’ frodi. Wara li t-Tlieta, tressqu 14-il persuna oħra fosthom l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-Eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembru u l-Eks Ministru Konrad Mizzi f’sigurtà liema bħalha. L-Erbgħa filgħodu. taħt sitwazzjoni aktar kalma, tressqu 14-il persuna oħra, li lkoll wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin fil-Qorti.
Fearne ta’ 61 sena u Scicluna ta’ 77 sena qed jiġu akkużati li kienu jafu bil-qerq li kien qed isir u li ma aġġixxewx kif kellhom id-dmir li jagħmlu. Huma qed jiffaċċjaw ukoll akkużi ta’ miżappropjazzjoni. It-12-il persuna oħra jinkludu Segretarji Permanenti, Avukati u żewġ kumpaniji.
Il-lista ta’ dawk akkużati flimkien ma’ Fearne u Scicluna, tinkludi l-Eks Segretarji Permanenti Alfred Camilleri u Joseph Rapa, is-Segretarju Permanenti attwali Ronald Mizzi, il-membri tal-kumitat ta’ aġġudikazzjoni James Camenzuli, Manuel Castagna u Robert Borg, il-kontrollur finanzjarju Kenneth Deguara, kif ukoll ħames avukati Kevin Deguara , Jean Carl Farrugia, Aron Mifsud Bonnici, Deborah Anne Chappell u Bradley Gatt.
Ma kien hemm l-ebda talba fil-konfront ta’ Fearne u Scicluna għall-iffriżar tal-assi filwaqt li l-akbar ammont fejn jidħlu ffriżar ta’ assi, inkluż ma’ dawk li tressqu t-Tlieta, kienu ta’ mara. L-Eks Prim Ministru Joseph Muscat u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Eks Ministru Konrad Mizzi, għandhom imdendlin fuq rashom €30 miljun.
Deborah Anne Chappell, li hija l-unika mara mit-28 persuna akkużati, għandha ffriżar ta’ assi li jlaħħqu l-€40 miljun. Wara s-sigurtà tat-Tlieta, fejn numru ta’ partitarji Laburisti taw l-appoġġ tagħhom lil Joseph Muscat, l-Erbgħa s-sitwazzjoni madwar il-bini tal-Qorti kienet waħda kalma.
L-akkużi
Chris Fearne, Edward Scicluna, Ronald Mizzi, Alfred Camilleri, Joseph Rapa, Kenneth Deguara, Kevin Deguara, Aron Mifsud Bonnici, Bradley Gatt, Jean Carl Farrugia, Deborah Anne Chappell, Manuel Castagna, James Camenzuli u Robert Borg qed jaffaċċjaw akkużi ta’ qerq ta’ aktar minn €5,000 b’dannu għall-Gvern, b’miżappropjazzjoni u bi qligħ b’mod frawdolenti.
Kenneth Deguara, iċ-Chief Financial Officer ta’ DF Group, flimkien ma’ ħuh Kevin Deguara se jaffaċċja akkużi ta’ ħasil ta’ flus ukoll. Kevin Deguara huwa wkoll senior partner tal-kumpanija DF Advocates u qed jiġi akkużat ukoll b’parteċipazzjoni attiva f’attivitajiet kriminali tal-għaqda li għandha aktar minn 10 nies.
L-aħwa Deguara, Chappell u Jean Carl Farrugia qed jiġu akkużati wkoll li akkwistaw jew użaw propjetà meta kienu jafu li din inkisbet minn attività kriminali. Din hija parti minn akkuża li tkopri l-akkuża unika ta’ ħasil ta’ flus.
B’kollox, Chappell, Mifsud Bonnici, Castagna, Kevin Deguara u Jean Carl Farrugia qed jiġu akkużati li pparteċipaw f’għaqda kriminali ta’ aktar minn 10 persuni. Dawn l-erba’ persuni qed jaffaċċjaw akkuża wkoll li assoċjaw ruħhom ma’ persuna jew persuni f’Malta jew pajjiżi oħra “bil-għan li jagħmlu delitt f’Malta.
L-iskandlu diġà wassal għar-riżenja ta’ Chris Fearne mill-kariga tiegħu ta’ Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Gvern, flimkien mat-tneħħija ta’ Joseph Rapa mill-Bord tad-Diretturi fl-APS Bank, biż-żewġ individwi jiffaċċjaw akkużi.
Minbarra dan, DF Consultancy Services Ltd, propjetà ta’ żewġ avukati li wkoll qed jiffaċċjaw akkużi ta’ frodi b’rabta mal-każ, kellha ftehim ma’ ditta ta’ servizzi finanzjarji u ta’ ġestjoni ta’ fondi mitmuma. Deborah Anne Chappell u Bradley Gatt, it-tnejn avukati, wkoll irriżenjaw mill-karigi tagħhom fid-ditti rispettivi tagħhom. L-Avukat Chappell hija akkużata b’ħasil ta’ flus, u qed tiffaċċja akkużi ta’ miżappropjazzjoni, frodi ta’ dokumenti, u li pparteċipat b’mod attiv f’attività kriminali u f’assoċjazzjoni kriminali.
Punti legali
Mill-ewwel bdew il-battibekki hekk kif l-Avukat Francesco Refalo mill-uffiċċju tal-AĠ, il-Prosekuzzjoni, tinforma lill-Maġistrat li se jitwaqqgħu xi akkużi kontra l-kumpanija DF Corporate Advisory. Dan għaliex il-kumpanija lanqas kienet twaqqfet meta allegatament wettqet ir-reati akkużati biha.
L-avukat Franco Debono qal li jirrispetta l-prudenza tal-Prosekuzzjoni, iżda lmenta li “dak li tagħmillek l-għaġla!”. Hu qal li d-difiża ma ngħatatx aċċess għall-evidenza kollha. Il-Maġistrat Leonard Caruana ordna biex il-lista tal-akkużi li tinsab f’idejn id-difiża tingħata lura lill-Prosekuzzjoni fid-dawl li se jitwaqqgħu l-akkużi kontra din il-kumpanija.
Iżda wieħed mill-avukati rrifjuta li jagħti lura l-lista, xi ħaġa li twassal għall-intervent ta’ wieħed mill-Marixalli. Il-Maġistrat jordna biex ikun hemm ordni fl-awla. Dr Debono argumenta li jekk inbidlu l-akkużi, dan ifisser li l-akkużati jridu jiġu mħarrka mill-ġdid u l-każ isir f’ġurnata differenti.
L-avukat tal-Prosekuzzjoni Francesco Refalo, informa lill-Qorti li l-Prosekuzzjoni, skont nota ppreżentata qabel fit-13 ta’ Mejju, se tkun qed tissostitwixxi l-att tal-akkuża fejn DF Corporate Advisory hija elenkata bħala konvenut. Irriżulta li din il-kumpanija ma kellha l-ebda konnessjoni max-xogħol assoċjat mal-konċessjoni tal-isptarijiet.
Dr. Franco Debono qal li din mhix kwistjoni minuri. “Il-prosekuzzjoni mhix f’ordni meta tiġi hawn u tesibixxi akkuża mingħajr ma tirreġistraha.” Jirrimarka li jekk illum tiġi rreġistrata ċ-charge sheet il-ġdida, tingħata numru ġdid.
Komplew is-sottomissjonijiet fit-tul tant li kien wara ħames sigħat li nqraw l-akkużi wara diversi kontestazzjonijiet mill-avukati tad-difiża. Dr Debono argumenta li l-AĠ issa huwa parti mill-proċess tal-ġbir tal-evidenza, u għalhekk irid jissottometti ruħu għall-interrogazzjoni.
Dr. Franco Galea qal li dejjem hekk sar. L-arrest wara pproċeda għall-eżami tal-akkużati, bil-Qorti tispjega l-konsegwenzi li wieħed iwieġeb ħati, jew mhux ħati u li ma jweġbux. Il-Maġistrat indirizza direttament lill-akkużati, issa qed jispjega lil kull wieħed mill-akkużati x’qed jiġu akkużati u x’jikkostitwixxi r-reat f’termini sempliċi. Hekk kif kien se jibda jindirizzahom, tqajjem punt legali ieħor u l-maratona kompliet.
Sadanittant, l-akkużati l-oħra li fuq rashom għandhom ordni ta’ ffriżar huma Kevin Deguara, fl-ammont ta’ €20 miljun, bl-istess ammont hemm ukoll Jean Carl Farrugia u ż-żewġ kumpaniji akkużati. Rigward Kenneth Deguara l-ordni tal-iffriżar hija ta’ €14-il miljun.
Xehed l-Ispettur Wayne Borg li qal li hu ma għamilx rapport u lanqas sħabu ma għamlu rapport u qagħdu biss fuq dak li ħareġ mill-inkjesta Maġisterjali. Ix-xhud qal li hu raha l-konklużjoni tal-inkjesta Maġisterjali u ħareġ rapport li fih hemm l-akkużi.
Wara, il-Prosekuzzjoni saħqet li l-kumpanija DF Advocates hija rappreżentata minn tliet persuni li jinsabu fil-Qorti li qed jirrispondu għaliha u qed jiġu akkużati wkoll. Hi talbet lill-Qorti tirrevoka d-digriet sabiex il-każ ikompli bla rappreżentanti għal DF Advocates. L-avukat tal-AĠ Refalo qal li l-Qorti ħarġet ordni ta’ sekwestru rigward DF Advocates.
Minn naħa tiegħu, l-avukat Franco Debono tenna li l-Prosekuzzjoni għamlet żball ieħor u li DF Advocates hi “fantażma”. Hu qal li bħalma jitressaq ċertifikat għal persuna, irid jitressaq ċertifikat differenti għal meta titressaq kumpanija. Saħaq li ma jista’ jitressaq xejn għal DF Advocates. “Dan kollu frott tal-għaġla!” Irrimarka Dr. Debono.
L-Avukat qal li jekk jiġu rtirati l-akkużi kontra DF Advocates, id-difiża ma toqgħodx tagħmel talbiet ripetuti. L-avukat Jonathan Thompson żied li DF Advocates “ma teżistix”. Il-Maġistrat Caruana tenna li din il-“kumpanija” kienet ressqet rikors. L-Avukat Refalo qal li l-Qorti Kriminali stess kienet, fil-fatt, ħarġet ordni ta’ sekwestru fil-konfront ta’ DF Advocates. Debono jinsisti li l-Prosekuzzjoni hija żbaljata u trid tirtira l-akkużi, jew tal-inqas temendahom.
Debono saħaq li jekk wieħed mill-akkużati ma jkunx preżenti llum, allura s-seduta tal-lum hija nulla kollha kemm hi. “Imma qed inkunu prattiċi, u nitolbu lill-Qorti titlob lill-Prosekuzzjoni biex tiddikjara x’se jagħmlu bin-numru ‘Ċ’ imniżżel fl-akkużi.”
Il-prosekuzzjoni kienet ħalfet din l-akkuża b’ġurament, qalet l-avukat, u ssuġġeriet li għandhom jintalbu jikkonfermaw jekk in-numru ‘Ċ’ fuq l-akkużi maħlufa huwiex korrett. L-avukat Rebekah Spiteri, għall-Prosekuzzjoni, saħqet li mhux se twaqqa’ l-akkużi kontra DF Advocates u li qed titlob biss għal “korrezzjoni żgħira” li biha se tneħħi l-company number ta’ din il-kumpanija.
Qalet li dan mhux se jippreġudika l-każ bl-ebda mod. Id-difiża qed targumenta li jekk issir din il-bidla, in-notifika tal-akkużati trid terġa’ tinħareġ mill-ġdid u s-seduta trid issir f’ġurnata oħra. Dr. Debono qal li l-proċeduri huma nulli jekk ħadd ma jista’ jirrispondi għal DF Advocates. “Dan chewing gum? Kemm se noqogħdu nġebbdu u nġebbdu?” jisħaq Debono. Il-Qorti tirrimarka għand min intbagħtet in-notifika għal DF Advocates.
L-avukat Giannella de Marco, f’isem id-difiża, taqra stqarrija tal-Kamra tal-Avukati li titlob lill-membri tagħha ma jibqgħux jaħdmu wara l-10pm. Il-Maġistrat iwiegħed li s-seduta se ddum biss nofs siegħa oħra. Il-kawża ġiet differita għal 11 ta’ Ġunju, fil-11am.
L-avukat Stephen Tonna Lowell qed jidher għal Edward Scicluna u Chris Fearne. Joseph Rapa huwa rappreżentat mill-avukati Stefano Filletti, Maurice Meli u Michael Sciriha. Għal Kenneth Deguara qed jidhru l-avukati Zachary Psaila, Franco Debono u Jonathan Thompson. Jean Carl Farrugia qed jiġi difiż mill-avukati Zachary Psaila, Franco Debono, Arnold Camilleri u Jonathan Thompson.
Deborah Anne Chappell qed tkun rappreżentata mill-avukati Stefano Filletti, Roberto Montalto, Maurice Meli u Joseph Mizzi. Għal Bradley Gatt qed jidhru l-avukati Michael Sciriha, Franco Debono u Franco Galea. L-Avukat Giannella de Marco qed tidher għal Aron Mifsud Bonnici. James Camenzuli huwa rappreżentat mill-avukati Michael Sciriha u David Farrugia Sacco. Manuel Castagna qed ikun difiż mill-avukat Ezekiel Psaila. Għal Robert Borg qed jidhru l-Avukati Arthur Azzopardi, Franco Debono, Marion Camilleri. DF Advocates qed tkun rappreżentata mill-avukati Ezekiel Psaila, Franco Debono, Marion Camilleri u Jonathan Thompson.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Fracesco G Refalo, Rebekah Spiteri u Shelby Aquilina flimkien mas-Supretendent Hubert Cini u l-Ispettur Wayne Rodney Borg.
//= $special ?>