Lokali

L-editur Laburista Sandro Mangion jikkritika l-Istazzjon Nazzjonali u dak tal-PL… NET TV biss qed jinforma lin-nies

Sandro Mangion, l-editur ta’ The Journal.mt, stqarr li ma jistax jifhem kif f’dawn il-mumenti ta’ taqlib li għaddej minnu l-pajjiż, l-istazzjon televiżiv tal-partit fl-Oppożizzjoni jitħalla waħdu jagħti lin-nies dak li qed ifittxu.

Ma nistax nifhem lanqas, kompla jikteb Mangion fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, kif ix-xandir nazzjonali, imħallas mit-taxxi tal-pubbliku qed jonqos mid-dover tiegħu.

Mangion spjega wkoll kif waqt li kien mixi bil-kelb ilbieraħ, f’zona magħruf li hija maġġoranza Laburista, kien hemm bosta familji li kienu qed isegwu NET TV għax kien l-unika stazzjoni li kien qed jagħti aġġornamenti kontinwi. Dan jindika l-għatx li għandhom in-nies għal programmi ta’ informazzjoni u dibattitu, għax fuq l-istazzjonijiet l-oħrajn kien hemm programmi “tas-soltu,” temm jgħid Sandro Mangion.

Dwar dan il-fatt tkellem ukoll l-Eks MEP tal-Partit Laburista Cyrus Engerer li kkumenta fuq il-post ta’ Mangion, fejn sostna li TVM NEWS+ kellu jkun LIVE il-ġurnata kollha lbieraħ u llum. Engerer saħaq ukoll li sfortunatament, ONE News sar immirat biss lejn il-hardcore u għandu mentalità ta’ fortizza. In-nies ma jsitennewx li NET u ONE news se jkunu imparzjali u kulħadd jaf il-bias x’inhu, iżda l-livell pwerili li ħadet il-kamra tal-aħbarijiet u l-istazzjon inġenerali qed idejjaq lil bosta.

Dan huwa evidenti bi riżultati tal-aħħar survey, fejn kif kiteb sew Engerer fl-aħħar survey tal-Awtorita’ tax-xandir, għall-ewwel darba NET News qabeż lil One News.

Intant, iktar minn sagħtejn wara li waslu l-Belt quddiem il-Qorti Chris Fearne u Edward Scicluna, is-sit ta’ TVM għadu bla ebda aġġornament dwar x’qed jiġri barra l-Qorti.