L-Istati Uniti, alleata ewlenija ta’ Iżrael, ma tarax għalfejn għandha tibdel drastikament il-politika ta’ appoġġ għall-Iżraeljani b’konsegwenza tal-gwerra li ilha għaddejja x-xhur fil-Medda ta’ Gaza.
Fil-fatt, il-White House f’Washington ma jemminx li l-offensiva tal-qawwiet Iżraeljani fuq it-territorji kontrollati mill-Ħamas qed tmur ‘il hinn mil-‘linja l-ħamra’ stabbilita.
Dan meta l-qawwiet Iżraeljani qed ikomplu jaħtfu l-kontroll taz-zoni strateġiċi fil-belt ta’ Rafah fejn il-Ħamas għadhom qed jirreżistu bl-aħrax għall-inkursjonijiet tat-truppi. Intant, żdied mill-ġdid l-inkwiet dwar ir-refuġjati li fl-aħħar jiem kellhom jaħarbu ‘bil-mijiet tal-eluf’ minn Rafah biex ma jinqabux fl-eqqel tal-battalji.
Il-President Amerikan, Joe Biden, jiem ilu qal li kellu jillimita l-provvisti tal-armamenti lil Iżrael f’sitwazzjoni fejn it-truppi kellhom jidħlu ‘bħal mewġa’ fiċ-‘ċentri ta’ Rafah iffullati biċ-ċivili’ . Dan meta anki issa, f’Rafah, għad hemm ammont kbir ta’ familji li qed jiffaċċjaw periklu kbir mill-effetti tal-gwerra.
Fl-istess ħin, Iżrael qed jinsisti li l-imwiet fost iċ-ċivili Palestinjani qed ikunu dovuti għall-‘politika brutali’ tat-terroristi li qegħdin jużawhom bħala ‘koperta’ huma u jmexxu l-operat militari minn qalb il-komunitajiet ewlenin ta’ Rafah.
Intant, il-kelliema għall-Gvern Amerikan, fl-aħħar sigħat, mill-ġdid esprimew niket għax-‘xeni terribbli ta’ kuljum f’Gaza’ u fejn stqarrew li ‘l-Iżraeljani u l-Ħamas jeħtieġu li jirrispettaw ir-regoli tal-gwerra għaliex it-telfa ta’ kull ħajja innoċenti (fil-konflitt) għandha titqies bħala traġedja’.
Iżda l-Istati Uniti ma temminx li l-Iżraeljani – li qed jinvestigaw każi fejn inqatlu ċ-ċivili Palestinjani waqt il-gwerra – jistgħu jaslu għal xi konklużjoni finali u informattiva tal-każi huma u jippersistu bl-attakki fuq il-Ħamas.
Il-messaġġ minn Washington hu ċar, fis-sens li li l-Istati Uniti mhix tara li l-kampanja militari tal-Iżraeljani f’Rafah qed issir b’nuqqas assolut ta’ rispett għall-ħajja tal-familji — anki jekk il-battalji qegħdin jinfirxu, bil-mod il-mod, lejn l-inħawi tal-belt fejn qed jgħixu l-familji li ma rnexxilhomx jaħarbu mill-offensiva.
//= $special ?>