Lokali

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jirrapporta li naqas it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li f’April, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali naqas marġinalment u baqa’ f’livell kemxejn taħt il-medja storika.

F’April kien hemm tnaqqis fl-indikatur tal-fiduċja ekonomika maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea, li baqa’ f’livell taħt il-medja storika. L-indikatur tal-aspettattivi tal-Kummissjoni dwar l-impjiegi kien ukoll taħt il-medja mkejjel fuq żmien twil.

L-aspettattivi tal-prezzijiet xahar fuq xahar żdiedu fost il-konsumaturi, u f’livell inqas fis-setturi tal-bejgħ bl-imnut u s-servizzi, iżda naqsu b’mod sinifikanti fis-settur tal-kostruzzjoni u f’livell inqas fl-industrija.

L-iżviluppi fl-indikaturi tal-attività ekonomika kienu mħallta. F’Marzu, kemm il-produzzjoni industrijali u kif ukoll il-kummerċ bl-imnut naqsu fuq l-istess xahar is-sena ta’ qabel. Madankollu, il-qgħad baqa’ f’livell baxx minn perspettiva storika.

Il-permessi maħruġa għal bini residenzjali kienu f’livell ogħla f’Marzu meta mqabbla mal-livelli ta’ sena ilu. F’April, in-numru ta’ konvenji residenzjali kif ukoll dak tal-kuntratti ta’ bejgħ żdiedu fuq is-sena ta’ qabel.

Matul it-tnax-il xahar sa Marzu, id-depożiti tar-residenti Maltin, li jiffurmaw parti mill-aggregat monetarju wiesa’ M3, żdiedu minħabba bilanċi ogħla li jappartjenu lill-familji u lill-kumpaniji mhux finanzjarji. Ir‑rata annwali ta’ tibdil immoderat meta mqabbla ma’ Frar. B’kuntrast, il‑kreditu lir-residenti Maltin kiber b’ritmu iktar mgħaġġel meta mqabbel ma’ xahar qabel.