Elezzjonijiet 2024 Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista b’viżjoni msejsa fuq il-ħtiġijiet tal-Maltin u l-Għawdxin” – PN

Kif jista’ l-Partit Laburista jgħid li hu favur Malta dejjem u li jrid jagħti s-saħħa lill-Maltin meta mill-Inkjesta issa sirna nafu li kienu kompliċi biex jinsterqu aktar minn €2 miljun li suppost kellhom imorru għall-kura tal-pazjenti tal-kanċer? Sfortunatament, pajjiżna qed jitmexxa minn Gvern li jgħid li qiegħed hemm għaż-żgħir, imma jisraq mis-saħħa ta’ dawk l-aktar vulnerabbli.

Matul żjarat fil-lokalitajiet ta’ Ħal Balzan u Marsaskala, fejn iltaqa’ mar-residenti, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fakkar kif, min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jippreżenta viżjoni msejsa fuq il-ħtiġijiet tal-Maltin u l-Għawdxin. Qed jippreżenta ħidma għalik f’Malta u fl-Ewropa.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Robert Abela baqa’ ma marx għand il-Kummissarju tal-Pulizija meta qal li kienet ippjanata xi nassa għax kien jaf li dan ma kienx minnu. Fil-verità, in-nassa għamluha dawk l-esponenti tal-Partit Laburista li serqu l-miljuni tal-poplu biex qassmuhom mal-kriminali li kienu miftehmin magħhom.

Tenna li mhux ta’ b’xejn li ta’ kuljum qed nisimgħu b’Laburisti ddiżgustati u traduti għax emmnu li l-Partit Laburista seta’ jtejjeb lil pajjiżna. Qal li t-tort għal dak li seħħ hu biss ta’ dawk li abbużaw mill-fiduċja li ngħatatilhom għax issa hemm il-provi ladarba tressqu l-Qorti li xaħħmu u ffrodaw minn fuq is-saħħa tiegħek.

Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista qed jibqa’ ffukat għalik bi programmi b’viżjoni għal kull lokalità. F’Ħal Balzan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif il-Partit se jkompli jsaħħaħ it-tmexxija tal-Kunsill Lokali b’ħidma aktar għalik, partikolarment fejn jidħlu s-sigurtà, l-ambjent u l-aċċessibbiltà, fost oħrajn. Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jara li l-Balzanin ikollhom il-Kunsill Lokali li jixirqilhom.

F’Marsaskala, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li, wara li grazzi għall-ħidma li nbdiet mill-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista kienet salvata l-Bajja ta’ Marsaskala, se tkompli l-ħidma b’risq l-Iskalin. Semma’ kif il-Partit Nazzjonalista se jara li r-residenti ta’ din il-lokalità jħossuhom aktar siguri, fost oħrajn b’sistema ta’ neighbourhood watch u installazzjoni ta’ aktar cameras tas-sigurtà, iżda wkoll li jkun hemm aktar spazji pubbliċi, li tkun indirizzata l-problema tal-għargħar u li jkun hemm l-aċċessibbiltà adegwata, fosthom fuq il-bankini. Fuq kollox, il-Partit Nazzjonalista jara li l-Iskalin ikollhom lokalità li tinżamm aħjar.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għalhekk, dawk li fil-passat fdaw lill-Partit Laburista ma jistgħux jerġgħu jkunu kompliċi magħhom. Hu għalhekk li fit-8 ta’ Ġunju jrid jintbagħat messaġġ b’saħħtu daqskemm kien b’saħħtu t-tradiment li sar mill-Partit Laburista lill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Fid-dawl ta’ dan, qal li hu importanti li l-vot ma jitħalliex fil-kexxun, iżda jintuża bħala messaġġ b’saħħtu favur is-saħħa lill-Maltin jekk jingħata lill-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali